Il-Preżenza ta’ Alla

Permezz tal-eżerċiżżju kontinwu tal-preżenza t’Alla aħna nżommu ruħna f’kuntatt mal- Mulej Alla b’mod li jgħollina f’qasir żmien għal għaqda aktar intima miegħU.

Aħna nafu li hi ħaġa impossibbli li noqgħodu naħsbu f’Alla l-ħin kollu għaliex ix-xogħol tagħna spiss jirrikjedi l-attenzjoni tagħna kollha u għalhekk ma nistgħux nagħmlu żewġ affarijiet f’ħin wieħed. Min-naħa l-oħra anki meta moħħna jkun fix-xogħol li nkunu qegħdin nagħmlu, qalbna xorta tista’ tibqa’ kollha kemm hi t’Alla billi kulma nagħmlu nagħmluh għal Alla, biex inwettqu l-volonta’ mqaddsa tiegħU u nagħtuH glorja.

Kif nistgħu nżommu ruħna fil-preżenza t’Alla?
Billi ngħidu ta’ spiss ġakulatorji, it-tqarbina tax-xewqa, inħarsu b’imħabba lejn statwi u kwadri, noffru l-għemil tagħna, nitolbu l-għajnuna t’Alla jew nitħaddtu spiss miegħU u nuruH imħabba u fiduċja. Hemm bżonn li nkunu konvinti li Alla qiegħed dejjem magħna. Spiss ngħixu qisu Alla jinsab ’l bogħod minna. Jekk ħsiebna ma jkunx f’Alla ma nistgħux ngħixu fil-preżenza tiegħu.

Kif nistgħu niftakru ta’ spiss f’Alla?
Hemm tliet modi: 1. esterna; 2. immaġinattiva u 3. intellettwali.
1. Permezz ta’ kwadri, statwi u xi salib li nżommu quddiemna waqt ix-xogħol;
2. Bil-għajnuna ta’ l-immaġinazzjoni tagħna nqisu li għandna ħdejna kull waqt u kull ħin lil Ġesu’, lill-Madonna jew xi qaddis jew qaddisa oħra u b’hekk inżommu dejjem ruħna fil-preżenza t’Alla.
3. Permezz tal-preżenza intellettwali nġibu quddiem għajnejna l-preżenza tat-Trinità Qaddisa ġo fina u nfittxu li nagħmlu kollox biex nogħġbu lil dan il-Mistieden Divin. Nistgħu wkoll li naraw ir-rieda t’Alla f’kull ħaġa li ngħaddu minna, nippruvaw ningħaqdu dejjem aktar m’Alla filwaqt li ngħidulu: “Jiena kuntenta b’kollox”.

Minn dan naraw li l-ħsieb li ninsabu fil-preżenza t’Alla jġiegħelna:
1. nevitaw sal-inqas ħtija għal tal-apposta,
2. nagħmlu kollox bl-akbar perfezzjoni,
3. inkunu modesti anki meta ninsabu weħidna u
4. nħossu l-għajnuna t’Alla aktar waqt it-tiġrib.
Ir-regola tagħna tħeġġiġna nagħmlu dan biex inżommu ruħna f’kuntatt ma’ Alla.

Kif ngħaddu l-ġurnata ma’ Ġesù?
Inqumu malajr mis-sodda, l-ewwel ħsieb u kliem ikunu att ta’ mħabba u offerta lil Alla. Ngħidu it-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum. Nippreparaw biex immorru l-Knisja u waqt li nilbsu naħsbu f’Ġesù u nitolbuh jagħtina ġurnata tajba – naslu ħdejn Ġesù bl-ispirtu qabel ma naslu bil-ġisem.

Malli nidħlu quddiem Ġesù Sagramentat insellmulu bid-daħqa u nirriflettu ma’ min inkunu sejrin nittrattaw. Nieħdu sehem fis-sagrifiċċju tal-Quddiesa u nitqarrbnu bl-akbar devozzjoni. Matul il-ġurnata ngħidu spiss : “Nirringrazzjak Ġesù għat-tqarbina ta’ dalgħodu.” Meta ma nkunux nistgħu nitqarrbnu għandna ngħidu ta’ spiss it-tqarbina tax-xewqa. Għandna nixtiequH ġewwa fina ’l Ġesù u meta nistgħu għandna mmorru ninvistawH. Hi ħaġa ferm sabiħa u fl-istess ħin dmir tagħna li nagħmlu vista lil Ġesù Sagramentat kuljum.

Waqt l-orazzjoni nżommu ruħna qisna qed naraw b’għajnejna stess lil Ġesù u qabel noħorġu nirringrazzjawH talli għoġbu jħallina ħdejH u nitolbuH jaħfrilna n-nuqqasijiet li nkunu għamilna fil-preżenza tiegħU.

Qabel ma nibdew ix-xogħol tad-dar inroddu s-Salib u niftakru li d-dar hi l-lok tal-prova. NitolbuH jgħinna u noffrulu x-xogħol u kulma nagħmlu ntuh ton spiritwali; eż. Bħalma l-ilma li titfa fil-qasrija jgħin biex tikber ix-xilta u joħorġu l-fjuri, hekk kull att ta’ mħabba, ġakulatorja u sagrifiċċju jżid jimmerita fjuri mistiċi.

Waqt il-prova, jekk nindunaw qabel, nagħrfu x-xejn tagħna u nitolbuH l-għajnuna u hekk niżguraw ir-rebħa. Jekk nintebħu wara li naqgħu, numiljaw ruħna, nitolbu maħfra u nagħmlu xi sagrifiċċju biex inpattu għad-dispjaċir li nkunu tajna ’l Alla.

Anki waqt l-ikel nistgħu ngħollu l-menti tagħna lejn Alla, kif jgħidilna San Pawl: “Sew jekk tiekol jew tixrob jew tagħmel x’tagħmel, agħmel kollox għall-glorja t’Alla” (1 Kor.10,31). Għalhekk waqt l-ikel nimmortifikaw ruħna billi ma nikkummentawx sew jekk ikun tajjeb kif ukoll jekk ħażin. Jekk ikun tajjeb noffruh għall-glorja t’Alla, jekk ħażin għalina nfusna.

Importanti li nsibu għall-inqas nofs siegħa fil-ġurnata biex ninġabru weħidna ma’ Alla biex nagħmlu l-meditazzjoni. Hu rakkomandabbli wkoll li kuljum naqraw xi silta mill-Kotba Mqaddsa jew minn kitbiet tal-qaddisin tal-Ordni tagħna biex nitħeġġu aktar fl-ispirtu Tereżjan.

Ir-rikreazzjoni noħduha bil-ħsieb li nakkwistaw enerġija ġdida biex inkunu nistgħu naħdmu aktar għall-glorja t’Alla u mhux b’sodisfazzjon tagħna.

Filgħaxija nagħmlu vista u ngħidu l-Għasar. Ngħidu wkoll it-talba ta’ Għeluq il-Jum, l-eżami tal-kuxjenza u nirringrazzjaw ’l Alla għall-ġurnata li għaddejna fl-imħabba tiegħU.
Anki l-mistrieħ għandna noħduh bl-istess skop u jekk nistembħu mal-lejl, nagħmlu xi att ta’ mħabba. B’dan il-mod nistgħu ngħixu lejl u nhar fil-preżenza t’Alla.

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s