MIET L-EKS ĠENERAL TAL-PATRIJIET TEREŻJANI

unnamed

PRESS RELEASE

MIET L-EKS ĠENERAL TAL-PATRIJIET TEREŻJANI

Kull bidu għandu t-tmiem tiegħu. Fl-aħħar ġimgħa ta’ Lulju, Patri Felipe Sainz de Baranda għadda ghal ħajja oħra. Huwa kellu 87 sena. Għal tnax-il sena kien is-Superjur Ġenerali tal-patrijiet Karmelitani Skalzi, maghrufin hawn Malta bhala t-Tereżjani. Huwa jibqa’ jissemma għall-ispinta missjunarja li ta lill-Ordni Tereżjan.   Kien hu li ħeġġeġ lill-Patrijiet Maltin biex jibdew missjoni fit-Tajwan, li llum hija b’saħħitha b’vokazzjonijiet lokali.

Huwa żar Malta darba biss imma din iż-żjara tieghu  kienet ta’  ispirazzjoni kbira ghall-patrijiet u sorijiet Tereżjani.  L-entużjażmu qawwi tiegħu kellu effett qawwi fuq il-patrijiet hawn Malta.

Imwieled fl-1930, Patri Felipe ħa l-libsa tal-Karmelu fl-1945 u ġie ordnat saċerdot fl-1953 fil-Kulleġġ Internazzjonali tal-Ordni f’Ruma. Huwa speċjalizza fis-Sagra Skrittura u ġie maħtur Professur tal-Iskrittura u l-Istudji Patristiċi fil-Kulleġġ Teoloġiku f’Burgos, Spanja.

Fl-1979 ġie elett Superjur Ġenerali tal-Ordni. Matul it-tnax-il sena tiegħu bħala Ġeneral, enfasizza d-dimensjoni missjunarja tal-Ordni, fuq kollox fl-Afrika. Kien matul il-Ġeneralat tiegħu, li l-Kostituzzjonijiet tal-Ordni ġew approvati fuq il-parir tal-Koncilju Vatikan II.

Kien ukoll matul iż-żmien tiegħu bhala Ġeneral li l-inkwiet madwar is-Sorijiet Karmelitani Skalzi seħħ. Dan kien l-itqal salib tiegħu.

Meta spiċċa t-terminu tiegħu ta’ tnax-il sena bħala Ġeneral, huwa talab biex imur missjunarju fil-Paragwaj u suċċessivament fl-Urugwaj. Lejn tmiem l-2015, huwa rritorna lejn Burgos Spanja. Il-funeral tieghu sar il-Ġimgha 28 ta’ Lulju.

Meta tkellem fil-quddiesa tal-funeral, il-Ġeneral preżenti, Patri Saverio Cannistra rrimarka: “Nista’ ngħid li l-preżenza tiegħu, sal-lum, ħalliet marka fuq il-gvern u l-ħajja tal-Ordni li ma titħassar qatt… Int ħallejtilna wirt enormi: tajtna imħabba vera lejn il-familja tagħna u lejn il-Knisja kollha. Grazzi, Felipe! Aħna qatt ma ninsewk! “

Advertisements