L-Istorja tal-Ordni Karmelitan Tereżjan

        L-Ordni Karmelitan ħa ismu mill-Għolja tal-Karmelu li fuqha ra l-bidu tiegħu. L-Għolja titla’ dritt mill-baħar blu tal-Mediterran madwar 550 metru (1,800 pied) fuq l-għoli tal-baħar. Fil-fatt il-Karmelu mhuwiex għolja waħda iżda sensiela ta’ għoljiet li jibqgħu sejrin għal madwar 21 km (15-il mil) f’Israel tal-lum. Eżatt taħt l-Għolja hemm il-port modern ta’ Ħajfa u min-naħa l-oħra tal-bajja hemm il-belt antika ta’ Akri.

        L-Għolja tal-Karmelu tissemma’ fit-Testment il-Qadim. Hemm għexu l-profeti Elija u Eliżew u l-iskola tal-profeti. Il-profeta Elija deher f’daqqa fl-istorja tal-poplu Lhudi fid-disa’ seklu qabel Kristu. L-istorja ta’ Elija nsibuha fit-Tieni Ktieb tas-Slaten. Fuq l-Għolja wkoll iġġieldu s-Saraċini u t-Torok, il-Kruċjati kif ukoll aktar tard l-armata ta’ Napuljun.

         Ma għandna l-ebda xhieda li l-Ordni kien jeżisti qabel l-1150. Fi żmien il-Kruċjati, nies minn kull parti tal-Ewropa kienu jmorru l-Palestina bil-ħsieb li jeħilsu l-postijiet imqaddsa minn idejn is-Saraċini. X’uħud minnhom inġibdu lejn l-Għolja u baqgħu jgħixu fl-għerien bħala eremiti, fejn għex qabilhom il-profeta Elija. Dan kien ta’ ispirazzjoni għalihom fl-għaqda tiegħu ma’ Alla. Elija kien predikatur bla biża’, raġel ta’ fidi, umiltà u fiduċja li għat-talb tiegħu niżel in-nar mis-sema u ħaraq is-sagrifiċċju, Elija li ħenn għall-armla ta’ Sarepta, Elija l-qaddej ta’ Alla, għalihom kien il-mexxej u l-missier ideali.

        L-Ordni Karmelitan kellu l-bidu tiegħu fi żmien id-dominanza Latina fil-Lvant Nofsani. Il-Kruċjati okkupaw Ġerusalemm fl-1099 iżda ġew megħluba u Akri waqgħet f’idejn is-Saraċini fl-1291. Mela l-Karmelitani bdew jgħixu fuq l-Għolja tal-Karmelu f’nofs it-tnax-il seklu probabbilment fl-1155. Huma riedu jerġgħu jqajmu l-ispirtu profetiku ta’ Elija f’kuntest Kristjan. Riedu jgħixu ħajja fil-kwiet bħal naħal li jiġbor għasel spiritwali. John Phocas, raħeb Grieg mill-gżira ta’ Patmos, wara li mar pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa fl-1185, kiteb li “patri mill-punent bena ħajt madwar ir-rovini ta’ fejn kien jgħix il-profeta Elija fuq l-Għolja, kif ukoll bena Kappella żgħira li ddedikaha lil San Elija.” Dan il-patri x’aktarx kien l-ewwel superjur San Bertoldu (Franċiż minn Malifaye). “Dan il-patri ġabar ukoll madwaru għaxar eremiti.”

        Fl-ewwel ħamsin sena l-eremiti għexu mxerrdin fl-għerien fuq l-Għolja u kienu jiltaqgħu biss għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Hekk kif il-komunità tal-eremiti bdiet tiżdied, San Brokard, li dak iż-żmien kien superjur, ħass li kellhom bżonn ta’ kappella akbar. Għalhekk, minflok ma baqgħu jgħixu madwar l-Għar ta’ Elija, ġabarhom ħdejn l-Għajn ta’ Elija f’Wadi es-Siah. Hemm bnew knisja ċkejkna, kif talab San Albert fir-regola tiegħu, u ddedikawha lill-Madonna. Huma kienu jgħixu fl-għerien u fl-għerejjex li bnew madwar il-kappella. Għall-ewwel kienu jgħidu l-Uffiċċju Divin privatament, iżda aktar tard, bdew jinġabru fil-knisja ċkejkna biex ikantawh flimkien. Kultant kienu jinżlu mill-Għolja u jmorru jippriedkaw u jgħinu lin-nies tal-post. Wara xi żmien ingħaqdu flimkien u talbu lill-Isqof San Albert biex jagħtihom bil-miktub ‘Regola ta’ Ħajja’. Din kitibha bejn is-sena 1206 u l-1214 meta kien Patrijarka ta’ Ġerusalemm. L-eremiti bdew jissejħu “l-Aħwa tal-Verġni Mbierka Marija tal-Għolja tal-Karmelu” għaliex l-għerien u l-għerejjex tagħhom kienu jagħtu għal fuq il-knisja ċkejkna dedikata lill-Verġni Marija Omm Alla.

        Fil-bidu tat-tlettax-il seklu n-numru tal-eremiti tant żdied li twaqqfu fundazzjonijiet f’Akri, Tir, Sarepta u Tripoli fil-Libanu. Dawn kollha nqerdu waħda waħda mit-Torok, sakemm kien baqa’ biss il-komunitajiet ta’ Akri u fuq l-Għolja tal-Karmelu. Saladin kien qed jirbaħ il-Palestina kollha, għalhekk l-eremiti kellhom jagħżlu bejn li jibqgħu fuq l-Għolja u jiġu maqtula, jew jaħarbu lejn pajjiżi Ewropej. Xi wħud marru Ċipru, oħrajn Sqallija u partijiet oħra tal-Ewropa.

        Sakemm damu fuq l-Għolja, il-Karmelitani laħaq kellhom ħames prijuri – San Bertoldu minn Franza, San Brokard minn Ġerusalemm, Ċirillu minn Kostantinopli, Bertoldu II mil-Lombardija u Alan minn Franza. Dak iż-żmien l-eremiti kienu jilbsu tunika sewda twila sa l-art, ċinturin f’qaddhom, kapoċċ u skapular, kif ukoll kappa b’seba’ strixxi weqfin – erbgħa bojod u tlieta suwed. Bħala materjal kien jintuża drapp Palestinjan magħmul mill-ġild tan-nagħaġ. Il-kappa kienet tirrappreżenta l-mantell ta’ Elija. Meta l-Ordni nxtered ma’ l-Ewropa, l-ilbies tagħhom magħmul mill-ġild tan-nagħaġ deher stramb, għalhekk bdew jilbsu tunika tas-suf. Il-kulur tal-libsa tbiddel ukoll. Fil-Kostituzzjonijiet tal-1324 ġie stabbilit li l-kulur ikun kannella iżda fl-1394 reġa’ sar iswed. Fil-bidu tas-sittax-il seklu, il-kulur sar definittivament kannella. Fl-istess seklu l-Karmelitani bdew jużaw ħatar f’idejhom imma dan ma damux jagħmluh.

        Is-sitt mexxej tal-Ordni kien San Xmun Stock. Min kien San Xmun? Kien Ingliż minn Kent. F’żgħożitu għex ta’ eremita fil-kampanja Ingliża. Kien jgħix ġo zokk ta’ siġra – minn hemm ħa ismu. F’dawk iż-żminijiet kienu ħafna dawk li kienu jgħixu ta’ eremiti. Huma kienu jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Isqof tal-post. Fil-bidu tas-seklu tnax San Xmun mar pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa. Meta kien hemm ingħaqad mal-Karmelitani fuq l-Għolja.

         Fl-1242 Richard de Grey, baruni Ingliż li kien qed jiġġieled fil-Kruċjati, meta ġie biex imur lura lejn pajjiżu, ħa miegħu grupp ta’ eremiti Karmelitani. Wara li dawn ġew ippreżentati lir-Re Neriku III, grupp minnhom mar Hulne, f’Northumberland, filwaqt li oħrajn inkluż San Xmun Stock, marru mal-Baruni Richard de Grey. Dawn issetiljaw fuq l-art li tahom hu f’Aylesford. Hemm bnew kappella ddedikata lill-Assunta. Fl-1247 l-Isqof ta’ Rochester ikkonsagra din il-kappella u rrikonoxxa l-Ordni. Mal-miġja tal-Karmelitani, id-devozzjoni lejn il-Madonna xterdet mal-pajjiż.

        Għall-ewwel l-eremiti sabuha bi tqila biex jaddattaw ruħhom għall-ħajja komunitarja. Fid-diffikultajiet ġodda li sabu ruħhom fihom huma refgħu moħħhom u qalbhom lejn il-Patruna tagħhom. Fundatur fit-tifsira eżatta tal-kelma ma kellhomx. Il-Verġni Marija biss kienet Dik li mexxiethom u għaqqdithom flimkien.

         Fl-1247 inħasset il-ħtieġa li l-komunitajiet tal-Karmelitani mxerrdin mal-Ewropa jorganizzaw ruħhom u għalhekk inżamm Kapitlu Ġenerali f’Aylesford li attendew għalih delegati minn kull komunità. F’dan il-Kapitlu laħaq Ġeneral tal-Ordni San Xmun Stock. Wara l-eremiti bdew jgħixu bħall-patrijiet tal-Ordnijiet Mendikanti l-oħra – ħajja reliġjuża li bdew San Franġisk u San Duminku. Barra milli jgħixu ħajja komunitarja, bdew jitħalltu man-nies biex jgħinuhom fil-ħtiġijiet spiritwali tagħhom. Mela minn eremiti jgħixu fuq l-Għolja tal-Karmelu, sabu ruħhom f’kunvent fil-wied ħdejn ix-Xmara Medway.

         Din il-bidla ħawdet mhux ftit lil dawk li qabel kienu eremiti, fosthom lil San Xmun Stock – bniedem tal-post – li dak iż-żmien kien is-sitt Ġeneral tal-Ordni. Qawwija ħarġet it-talba lis-Sultana u s-Sidt tagħhom bħala l-FJUR TAL-KARMELU u l-KEWKBA TAL-BAĦAR biex tagħtihom rahan ta’ mħabba. Skont it-tradizzjoni, il-Madonna dehret lil San Xmun Stock u wegħditu li tipproteġi l-Ordni u lil kull min jilbes l-Iskapular Imqaddes. Ma’ din id-dehra ntrabtet dehra oħra li suppost kellu l-Papa Ġwanni XXII fl-1322 bil-famuża wegħda tal-Bolla Sabbatina, jiġifieri l-wegħda tal-Madonna li min imut bil-labtu, tkun Marija nnfisha li ttellgħu fis-sema mill-purgatorju. Mal-ilbies tal-labtu wieħed kellu josserva l-preċett tat-talb u l-ħarsien tal-kastità skont l-istat tiegħu. Il-labtu jfakkarna wkoll fil-libsa tal-magħmudija li aħna impenjajna ruħna li nżommu bla mittiefsa. Il-labtu sar is-simbolu tar-rabta ta’ mħabba li tgħaddi bejn il-Verġni Mbierka u l-Karmelitani. Fi tradizzjoni mill-isbaħ, il-labtu tal-Karmnu beda jintlibes bħala sinjal estern tal-konsagrazzjoni interna lill-Qalb bla tebgħa ta’ Marija.

         Il-belt ta’ Akri ġiet megħluba u mirbuħa minn Bibars fit-18 ta’ Mejju 1291 u l-popolazzjoni kollha ġiet meqruda. Fit-30 ta’ Lulju tal-istess sena dawk l-eremiti li kienu baqgħu fuq l-Għolja tal-Karmelu ġew massakrati, il-knisja ċkejkna ġġarrfet u ħemda li twaħħax waqgħet fuq l-Għolja tal-Karmelu.

         Fl-1294 inżamm Kapitlu Ġenerali f’Bordeaux, Franza. Fih ġie stabbilit li Marija Verġni fl-Ordni Karmelitan tissejjaħ Patruna. Meta l-Karmelitani sejħu lil Marija Verġni Patruna riedu jfissru żewġ realtajiet prinċipali: Marija hija dik li tat bidu u waqqfet l-Ordni Karmelitan u l-Ordni Karmelitan huwa mwaqqaf għall-ġieħ u l-qima ta’ Marija.

         L-Ordni Karmelitan akkwista l-approvazzjoni definittiva u finali mill-Papa Bonifaċju VIII fl-1299, u fl-1317 il-Papa Ġwanni XXII ħareġ il-Bolla Sacer ordo vester li fiha ta lill-Karmelitani d-drittijiet ta’ eżenzjoni reliġjuża li jgawdu l-Ordnijiet Mendikanti. Biha l-Karmelitani saru responsabbli direttament lejn il-provinċjal u mhux lejn l-Isqof tal-post.

         Wieħed mill-aqwa kisbiet ta’ San Xmun Stock kien li laqqa’ ’l-Karmelitani mal-universitajiet medjovali. Il-Karmelitani waqqfu kunventi fi bliet universitarji biex huma jkollhom kuntatt mal-intellettwali. Iżda biex l-istudenti Karmelitani setgħu jistudjaw fl-università ħtiġilhom isibu benefatturi biex iħallsulhom l-ispejjes tal-kors universitarju.

          San Xmun Stock miet f’Bordeaux waqt li kien fuq vista fil-provinċja ta’ Vasconia fl-1265. Huwa ġie midfun fil-Katidral ta’ Bordeaux, imma wara sena ġie trasferit lura lejn il-kunvent. Il-kamra li miet fiha ġiet mibdula f’kappella u mill-ewwel bdew jinqalgħu ħafna grazzji bl-interċessjoni tiegħu.

         Sa dak iż-żmien kienet għadha teżisti biss il-fergħa maskili ta’ l-Ordni. Meta l-Beatu Ġwanni Soreth laħaq Ġeneral tal-Ordni Karmelitan, hu għen ħafna fit-twaqqif tas-Sorijiet Karmelitani u fit-tixrid tat-Terz’Ordni. Fil-fatt, għat-talba tiegħu t-Terz’Ordni Sekulari ta’ Sidtna Marija tal-Għolja tal-Karmelu ġie kanonikament stabbilit mill-Papa Nikola V bil-Bolla li ġġib id-data tas-7 ta’ Ottubru 1452. Min kien il-Beatu Ġwanni Soreth li mexxa l-Ordni għal madwar għoxrin sena? Hu twieled f’Caen fin-Normandija fl-1394 u f’żgħożitu daħal fl-Ordni Karmelitan. Ħa l-lawrja ta’ Duttur tat-Teoloġija f’Pariġi u laħaq Prefett tal-istudji u mbagħad Provinċjal ta’ Franza. Fl-1451 intgħażel Superjur Ġenerali tal-Ordni kollu. Ħadem ħafna biex ixerred u jġedded l-osservanza reliġjuża, kiteb kummentarju mill-isbaħ fuq ir-Regola, u ġedded u xandar il-Kostituzzjonijiet fl-1462. Tant kien umli li ma aċċettax li jsir kemm Isqof kif ukoll Kardinal. Miet f’Augers, Franza fl-1471.

         Il-Knisja għaddiet minn żminijiet koroh, speċjalment fis-sekli erbatax u ħmistax. Anki l-Ordnijiet Reliġjużi kellhom sehem f’din id-dekadenza: kien hemm abbużi, irregolaritajiet, nuqqas ta’ dixxiplina u nuqqas tal-osservanza tar-Regola. Barra minn hekk inqalgħet ix-Xiżma l-Kbira tal-Punent fejn kien hemm iżjed minn Papa wieħed. Il-perijodu tax-xiżma kien żmien ta’ inċertezza u konfużjoni. Fost l-abbużi fl-Ordni Karmelitan kien hemm rilassament ġenerali fil-prattika tal-vot tal-faqar. Ħafna Karmelitani baqgħu jkollhom sehem mill-ġid tal-familji tagħhom. Kienet ħaġa faċli li bi ftit flus tixtri privileġġi minn Ruma. Għalhekk il-qagħda soċjali tal-Ewropa u l-problemi fis-sistema tal-ħajja tal-Ordni nnifsu ġabu tnaqqis fil-ħerqa għall-qdusija. Kienet tinħass il-ħtieġa ta’ riforma u tiġdid.

         Santa Tereża ta’ Avila (1515-1582) tat bidu għat-twaqqif ta’ monasteri u kunventi ta’ “skalzi” fi Spanja tas-sittax-il seklu. Kellu sehem qawwi magħha San Ġwann tas-Salib. Santa Tereża stess kienet soru Karmelitana minn Avila, Spanja. Hi ġiet imnebbħa biex, imsieħba minn erba’ xebbiet, tagħti bidu għat-twaqqif ta’ dar karmelitana – il-Monasteru ta’ San Ġużepp f’Avila fl-24 ta’ Awwissu 1562 – biex jgħixu l-ħajja aktar stretta, b’komunitajiet żgħar, f’monasteri sempliċi u fqar. Hi tat enfasi l-aktar fuq dak li hu spiritwali u insistiet fuq il-ħlewwa fit-tmexxija u perijodi ta’ rikreazzjoni flimkien. Hi waqqfet stil ta’ ħajja reliġjuża li biha qajmet ħafna vokazzjonijiet.

         Santa Tereża hija meqjusa bħala l-Omm rifundatriċi tal-familja Karmelitana mġedda. Hi laħqet fetħet sbatax-il monasteru u l-patrijiet kellhom ħmistax-il kunvent b’superjur provinċjali għalihom. L-Iskalzi saru provinċja għalihom u maqtugħin għal kollox mis-siġra l-antika tal-Karmelu bid-digriet tal-Papa Klement VIII tal-20 ta’ Dicembru 1592. Huma ngħataw ukoll is-setgħa li jiffurmaw it-Terz’Ordni tagħhom.

         L-akbar kisba simbolika li għamlu t-Tereżjani kienet li reġgħu kisbu l-Għolja tal-Karmelu. Dan sar bil-ħidma ta’ Patri Prosperu ta’ l-Ispirtu s-Santu fl-1631. Min kien P. Prosperu? Twieled Martin Garaicaval f’Navarre, Franza fl-1533 u daħal fl-Ordni f’La Scala, Ruma fl-1608 u ħa l-isem ta’ Prosperu. Wara sena fid-deżert ta’ Ġenova mar missjunarju fil-Persja. Kien pirjol f’Ispahan u fl-1627 waqqaf fundazzjoni f’Aleppo, is-Sirja. Imma l-għan tiegħu kien li jerġa’ jikseb l-Għolja tal-Karmelu li l-Ordni kien tilef fl-1291. Talab il-permess minn Ruma biex imur fuq il-Karmelu imma r-risposta kienet: “Itla’ l-Għolja tal-Karmelu ta’ San Ġwann tas-Salib u insa dik tal-Palestina.” Hu baqa’ jinsisti u fl-aħħar ġieħ il-permess biex “imur fuq l-Għolja tal-Karmelu waħdu jew flimkien ma’ xi patri ieħor u jipprova jieħu pussess ta’ dak il-post b’mod speċjali tal-Għajn ta’ San Elija”. Wasal Ġaffa fil-Ħarifa tal-1631. Mar quddiem l-Emir Tarabej u fissirlu r-raġuni għala l-Karmelitani jixtiequ jerġgħu jakkwistaw l-Għolja. L-Emir ried 400 pjastra tal-art. Il-ftehim ġie ffirmat fid-29 ta’ Novembru u P. Prosperu immedjatament tela’ fuq l-Għolja, waqqaf artal temporanju f’El-Chadr u qaddes fuq il-post fejn San Bertoldu kien għamel il-fundazzjoni. Imbagħad telaq lejn Ruma biex jakkwista l-flus għax-xiri tal-Għolja. Il-Kapitlu Ġenerali tal-1632 approva x-xiri u ddeċieda li s-Superjur Ġenerali – minħabba l-kariga tiegħu – ikun il-Pirjol tal-Għolja tal-Karmelu. Hekk għadu jsir sallum. P. Prosperu mar lura fuq l-Għolja dik is-sena stess bħala superjur residenti tal-komunità. Hu rranġa l-għerien bħala ċelel, kappella u refettorju. Baqa’ jgħix fuq l-Għolja sa ma miet fl-1663. Hu wera għaqal kbir fil-mod kif ittratta mal-Musulmani. Fl-1720 inbena monasteru stil Ewropew fuq l-Għolja. Illum il-ġurnata, fuq il-quċċata tal-Karmelu hemm bini rettangulari, b’koppla Biżantina. Faċli li taħsbu xi fortizza tagħti fuq il-baħar, imma, fil-fatt dan il-bini huwa l-Kunvent tal-Karmelu Tereżjan. Inbena fl-1836 u hu l-ħames monasteru li nbena eżatt fuq l-Għar ta’ Elija.

         Filippu ta’ San Ġakbu, patri tal-komunità tal-Karmelu, fl-1633 kiteb li “l-Ordni mar lura l-Palestina biex l-ulied tal-Għolja, li sekli qabel kellhom iħalluha mbikkija u jeżiljaw ruħhom minn pajjiżhom, jistgħu jerġgħu jgawduha u jimxu fuq il-passi tal-ewwel missirijiet Elija u Eliżew.” Kellu jkun P. Ġulju tas-Salvatur, Malti mill-belt Valletta, li ftit snin wara P. Prosperu kellu jżomm b’determinazzjoni u jikseb darba għal dejjem il-jedd tal-Patrijiet Karmelitani Tereżjani fuq l-Għolja tal-Karmelu. Huwa kien is-Superjur tal-Għolja tal-Karmelu li bena l-Kunvent preżenti bil-Bażilika dedikata lill-Madonna KEWKBA TAL-BAĦAR u li sallum għadu t-tron ewlieni tal-Madonna tal-Karmnu fid-dinja.

         Din fil-qosor hi l-istorja tal-familja Karmelitana li rat il-bidu tagħha fuq l-Għolja tal-Karmelu imma ffjorixxiet fl-Ewropa tal-Punent. Iffurmat parti mill-moviment mendikanti popolari fit-tlettax-il seklu. Reġgħu tawha l-ħajja Santa Tereża ta’ Ġesù u San Ġwann tas-Salib meta reġġgħuha għall-osservanza tar-Regola primittiva ta’ San Albert (ħajja kontemplattiva u mistika). Imbagħad xterdet lejn il-kontinent Amerikan kif ukoll lejn il-Lvant u l-Indies. Kienet effettwata ħażin mir-Rivoluzzjoni Franċiża iżda reġgħet issaħħet fis-seklu għoxrin. Bħal kull familja oħra kellha żminijiet sbieħ u oħrajn koroh, żminijiet ta’ prosperità u żminijiet ibikkuk, imma billi kienet imnebbha minn Alla kienet imħarsa minnU.

                                                                                                             Mary Rose Said ocds

Biblijografija
Rohrbach OCD, Peter-Thomas, Journey to Carith  The Story of the Carmelite Order
Vella OCD, Wistin, Il-Familja Karmelitana
Zimmerman OCD, Benedict, Third Orders
The Friars, Aylesford

Advertisements

3 Responses to L-Istorja tal-Ordni Karmelitan Tereżjan

  1. Anna says:

    Interesanti hafna jien wahda li ghall ewwel darba qrajt L-storms Tal- ordni karmelitan Tereżjan
    Grazzi.

    Like

  2. steve perren says:

    good info.

    Like

  3. George Sacco says:

    interessanti immens, l-ewwel darba li qarjt l-istorja tal-ordni

    Like

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s