San Ġużepp

Ġużeppi bin Ġakobb, bħal Marija kien mid-dar u l-familja ta’ David, li minnu l-Lhud kienu qed jistennew il-Messija. Ġużeppi kien mastrudaxxa umli. Ftit insibu dwaru fil-Kotba Mqaddsa. Mill-ftit tagħrif li jagħtuna San Mattew u San Luqa, nistgħu naslu biex nagħrfu s-sehem siewi ta’ San Ġużepp fil-pjan tas-salvazzjoni. Mill-Evanġelju joħroġ car li San Ġużepp kien bniedem ġust, għani fil-virtù, il-kap tal-Familja Mqaddsa, għax ir-raġel ta’ Marija Verġni u l-Missier Legali ta’ Ġesù. Ġużeppi, wara martu Marija, hu l-eqreb bniedem ta’ Ġesù. Id-devozzjoni lejh damet ma ħarġet fil-beraħ imma, wara ħames mitt sena, id-devozzjoni lejn San Ġużepp qabdet sew fost ir-reliġjużi hekk li bejn is-sena 1000 u s-sena 1500 bdiet issir il-festa liturġika tal-Qaddis.

F’ Malta San Ġużepp sar wieħed mill-aktar qaddisin popolari fis-seklu sittax. Iċ-ċentru tal-kult kien minn dejjem “San Ġużepp” fir-Rabat li kien ippatronizzat mill-Kavallieri u mill-Aristokrazija Maltija. Mill-1870 San Ġużepp ħa l-post li jixraqlu fil-Knisja. Hu ġie dikjarat Patrun tal-Knisja Universali mill-Papa Piju IX u issa jokkupa l-aqwa post wara biss dak tal-Għarusa Safja tiegħu, Marija Omm Alla.

Il-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret hi mudell u ta’ eżempju għal kull familja Kristjana. Il-ħajja ta’ Marija u Ġużeppi kienet fil-fatt “ħajja moħija ma’ Kristu f’Alla”, li hu l-għan ta’ kull komunita’ fil-Knisja. San Ġużepp hu l-aktar qaddis famuż li nafu l-inqas fuqu. Mingħajr ma San Ġużepp kien mgħarraf minn qabel, Alla daħal fil-ħajja tiegħu bħal riefnu u poġġieh f’sitwazzjonijiet ta’ diffikultà eċċezzjonali. Kull episodju tal-ħajja tiegħu nsibuh fl-Evanġelji skont San Mattew (1, 16, 18-25; 2, 13-15) u f’San Luqa (2, 4-7). F’San Ġużepp naraw il-bniedem ġust li jħares lejn il-kriżi li sab ruħu fiha b’mod pożittiv. Hu jippermettilna nħarsu lejh bħala mudell ta’ ħajja ta’ tama nisranija, jidher quddiem Alla bit-tama ta’ bniedem fqajjar li jqiegħed f’Alla biss it-tama tiegħu.

Il-pożizzjoni tiegħu bħala kap tal-familja ddaħħlu f’intimità singolari ma’ Alla, ma’ Marija martu u mal-Iben t’Alla li hu rah jikber taħt għajnejh u li kien iżommu bl-għaraq ta’ ġbinu. Mill-mument li l-Anġlu rrivelalu f’ħolma s-sigriet tal-maternita’ ta’ Marija, Ġużeppi beda jgħix fl-orbita tal-Misteru tal-Inkarnazzjoni, kien l-ispettatur, il-kustodju, l-adoratur u l-qaddej. Għex ħajtu ma’ Ġesù u Marija, ħajja ta’ talba siekta. Qatt ma fittex xejn għalih. Ġesu’ kien isejjaħlu Missier, imma Ġużeppi kien jaf li ma kienx ibnu u Ġesù jikkonferma dan bil-kliem li qal meta Ġużeppi u Marija sabuh fit-Tempju (Lq 2, 49). Marija kienet martu imma hu kien jaf li kienet tappartieni esklussivament ’l Alla u kien jieħu ħsiebha bħala Omm l-Iben t’Alla. Meta ma kienx aktar meħtieġ sparixxa mix-xena. San Ġużepp hu ta’ eżempju fil-mumenti oskuri tal-ħajja, għall-fidi soda daqs il-blat samm u għat-twettiq tal-volontà ta’ Alla mingħajr riserva u għall-qadi ġeneruż.

Teżisti devozzjoni kbira fl-Ordni Tereżjan lejn dan il-Qaddis. L-Omm tagħna Santa Tereża skopriet kemm hi kbira l-interċessjoni ta’ San Ġużepp meta mardet b’marda kiefra u misterjuża li pparalizzatha sew għal xi żmien. Tgħidilna: “Meta sibt li t-tobba ta’ din l-art ma setgħu jagħmlu xejn għalija, qtajtha li nfittex il-fejqan mit-tobba tas-sema….ħadt bħala avukat u patrun tiegħi l-glorjuż San Ġużepp u ntlaqt f’idejh bl-akbar ħeġġa fit-talb…. Malajr sibt li dan il-missier u patrun tiegħi ħelisni minn dan l-għawġ u minn ħafna għawġ ieħor akbar minnu, mit-telfien ta’ ruħi stess, hekk li huwa qalagħli grazzji bil-wisq akbar milli stajt nitolbu jien. Ma niftakarx lanqas issa li xi darba tlabtu xi ħaġa li hu naqas li jagħtihieli. Nistagħġeb bil-grazzji kbar li Alla għoġbu jagħtini bl-interċessjoni ta’ dan il-Qaddis imbierek, u bil-perikli tal-ġisem u tar-ruħ li għoġbu jeħlisni minnhom. Jidher li l-Mulej mar jagħti lil qaddisin oħra l-grazzja li jgħinuna f’xi ħtieġa jew oħra, imma jien għandi l-esperjenza li dan il-glorjuż Qaddis jgħinna f’kull ħtieġa u li l-Mulej irid jgħallimna li kif Huwa nnifsu kien jgħix taħtu fuq din l-art, għax dan il-Qaddis bħala missier li kien iħarsu fuq l-art seta’ jikkmandah, hekk issa Hu jrid jibqa’ fis-sema jagħmel dak li jitolbu. Din kienet ukoll l-esperjenza ta’ bnedmin oħra li jiena ħeġġiġt jitolbuh bil-ħerqa; u llum ħafna huma dawk li għandhom devozzjoni kbira lejh minħabba li huma nfushom jistgħu jixhdu din il-verita’” (Ħajja 6, 5-6).
“Nixtieq nagħmel minn kollox biex inħajjar lil kulħadd ħalli jkun devot ta’ dan il-Qaddis glorjuż, għax issa għandi esperjenza kbira tal-barkiet li jista’ jaqlgħalna mingħand Alla. Jiena ma naf b’ħadd li huwa tassew devot tiegħu u li jqimu b’qadi partikulari, li ma mexiex sewwa ’l quddiem fil-virtù, għax dan il-Qaddis jagħti għajnuna tal-akbar fejda lil dawk l-erwieħ li jintelqu f’idejh” (Ħajja 6, 7).
Fil-kapitlu 33 tal-Ħajja (paragrafu 12) tgħidilna: “Meta darba sibt ruħi fl-akbar ħtieġa għax ma kontx naf x’se naqbad nagħmel biex inħallas xi ħaddiema, deherli San Ġużepp, il-missier veru u sid tiegħi, u tani x’nifhem li l-flus ma kinux se jonqsuni; għalhekk kelli nqabbadhom jaħdmuli. Hekk għamilt għalkemm ma kelli xejn f’idejja”.
Santa Tereża kienet tħares bi flus il-familja tagħha l-festa solenni ta’ San Ġużepp.

Fl-1562 Santa Tereża waqqfet l-ewwel monasteru ddedikat lill-glorjuż missier tagħna San Ġużepp fil-belt ta’ Avila. Hi xerrdet id-devozzjoni lejh ma’ Spanja kollha u semmiet bosta monasteri tar-Riforma tagħha għalih. Bis-saħħa ta’ din il-ħidma sfiqa, il-Karmelitani Spanjoli bdew iżommu ’l San Ġużepp b’għożża kbira hekk li fil-Kapitlu Ġenerali tas-sena 1621, San Ġużepp ġie magħżul Patrun speċjali tal-Ordni.

Id-devozzjoni lejn San Ġużepp fil-familja Martin kienet ħaġa ereditarja. Santa Tereża tal-Bambin Ġesù kellha devozzjoni kbira lejh kif jidher mill-kitbiet tagħha, fosthom dawk li kkomponiet biex jitkantaw fil-komunità, speċjalment “Il-Ħarba lejn l-Eġittu”.

Il-Familja Mqaddsa hi magħmula minn żewġ għaqdiet prinċipali: dik ta’ Marija u Ġużeppi u dik bejn il-Verb u l-Umanità Tiegħu. Sa mill-eternita’ Alla ddeċieda li jagħti Ibnu lid-dinja, imma għamel dan permezz taż-żwieġ verġinali ta’ Ġużeppi u Marija. F’għajnejn Alla u l-Anġli tiegħu San Ġużepp mhux biss hu l-akbar fost il-bnedmin imma anki l-aktar li jiġbdek u ta’ min iħobbu fost il-qaddisin. Hu l-uniku għalliem maskili tal-Iben ta’ Alla u għalhekk jistħoqqlu jkun meqjus bħala Xempju ta’ raġel tal-familja fl-istorja tal-umanità.

Issa San Ġużepp għandu post speċjali fil-Knisja. Hu jieħu ħsieb il-poplu ta’ Alla bħalma kien jieħu ħsieb il-familja ta’ Nazaret. Il-Knisja tqimu bħala Protettur tagħha u l-fidili, fil-mumenti l-aktar oskuri ta’ ħajjithom, jitgħallmu minnu u jimitaw il-fidi sħiħa tiegħu u t-twettiq, mingħajr riserva, tal-volontà ta’ Alla fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Għal kull ħaġa għażiża l-Ordni Tereżjan jafda u jitlob lill-Protettur tiegħu San Ġużepp. Nirrikorru aħna wkoll lejh u nitolbu l-għajnuna tiegħu u fuq kollox nitolbu għall-vokazzjonijiet u għall-qdusija tas-saċerdoti u r-reliġjużi.

Talba lil San Ġużepp
għall-Vokazzjonijiet

O San Ġużepp l-aktar ħelu, Missier u Xempju
tal-aħwa mogħtija għall-qadi ta’ Alla,
li għarraft lill-Omm tagħna Santa Tereża bil-qawwa
tal-ħarsien u t-tjieba tal-qalb tiegħek ta’ Missier,
agħti widen għat-talba umli u mħeġġa tagħna.

Mill-qalb saċerdotali ta’ Ġesù,
aqla’ għall-Karmelu Tereżjan f’Malta
għadd ta’ żgħażagħ ġenerużi li,
filwaqt li bħalek ikunu fidili fil-qadi ta’ Alla
u mħarrġin f’ħajja ta’ talb,
ikunu xhieda tal-Evanġelju
u mexxejja mdawla tal-oħrajn,
għall-ġieħ tal-Isem ta’ Ġesù, Bin Marija,
Għarusa tiegħek u Omm tagħna. Ammen.

Leave a comment