ĠESÙ minn Ħadd il-Palm sa Ħamis ix-Xirka

palm-sunday2.jpg

Fl-Evanġelju skont San Ġwann insibu li, matul il-ħajja pubblika tiegħu,Ġesùtela’ Ġerusalemm għall-festa tal-Għid tal-Lhud tliet darbiet – (2, 13-25), (6,4) u (12,1; 13,1) – l-aħħar waħda  – dik li fiha ġie msallab u rxoxta – insibuha wkoll fl-Evanġelji miktuba mis-Sinottiċi.

F’San Luqa, Ġesù qisu mar pellegrinaġġ wieħed li fih tela’ mill-Galilija sa Ġerusalemm – tela’ anki fis-sens ġeografiku għaliex il-baħar tal-Galilija jinsab bejn wieħed u ieħor 200 metru taħt il-livell tal-baħar filwaqt li Ġerusalemm tinsab fuq għolja 760 metru ‘il fuq mil-livell tal-baħar.

Matul it-triq Ġesù qal lit-tnax: “Ara aħna telgħin Ġeruaslemm, u Bin il-bniedem ikunmogħti f’idejn il-qassisin il-kbar u l-kittieba, u jaqtgħuhielu għall-mewt, u jagħtuh f’idejn il-pagani u jiddieħku bih u jobżqulu u jsawtuh u joqtluh, u wara tlitt ijiem iqum”(Mk 10,33-34).

Mela waslu Ġeriko. Hu u ħiereġ minn Ġeriko mad-dixxipli tiegħu u kotra kbira, Bartilmew l-agħma……..malli sema’ li kien hemm Ġesù ta’ Nazaret, beda jgħajjat u jgħid: “Bin David, Ġesù, ħenn għalija”…….Qallu Ġesù: “Mur, twemminek fejqek.” U minnufih beda jara u mar jimxi warajh fit-triq (Mk. 10, 46-52) (Mt 20, 29-34; Lq 18, 35-43).

U folla kbira marret warajh.Meta qorbu lejn Ġerusalemm, u waslu Betfaġe, ħdejn l-Għolja taż-Żebbuġ, bagħat Ġesù żewġ dixxipli u qalilhom: “Morru r-raħal ta’ biswitkom, u malajr issibu ħmara marbuta u felu magħha; ħolluhom u ġibuhom; u jekk xi ħadd jgħidilkom xi ħaġa, għidulhom li l-Mulej jaħtieġhom u malajr jerġa’ jibgħathom.” Dan sar biex iseħħ dak li kien qal il-profeta:

“Għidu lil bint Sijon:
  Ara s-sultan tiegħek ġej għandek,
 ġwejjed u riekeb fuq ħmar,
 fuq felu, ferħ ta’ ħmara.”

Id-dixxipli marru u għamlu bħalma ordnalhom Ġesù: ġiebu l-ħmara u l-felu, tefgħu fuqhom l-imnatar tagħhom, u qagħad fuqhom. U l-ġemgħa nies mill-akbar firxu l-imnatar tagħhom fit-triq, oħrajn bdew jaqtgħu l-friegħi tas-siġar u jferrxuhom mat-triq. U l-ġmiegħi, li kienu mexjin quddiem u dawk li kienu mexjin wara bdew jgħajtu:

                                                “Osanna lil bin David!

 Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!
Osanna fl-ogħla tas-smewwiet!” (Mt 21, 1-9)
(Mk 11, 1-10; Lq 19, 28-38; Ġw 12, 12-19)

Il-folla li telgħet ma’ Ġesù Ġerusalemm kienu pellegrini. In-nies tal-periferjia tal-belt tawh qima. Dawn ma kinux dawk li talbu biex jiġi msallab.

Ġesù daħal fit-tempju ta’ Alla u keċċa l-bejjiegħa mit-tempjuu fejjaq xi għomja u zopop. Iż-żelu għad-dar t’Alla wasslet lil Ġesù biex jieħu l-passjoni u jissallab.

 

Xħin raw il-qassisin il-kbar u l-kittieba l-għeġubijiet li għamel u t-tfal jgħajtu fit-tempju: “Osanna lil bin David”, għadbu u qalulu: “Tisma’ x’inhuma jgħidu dawn?” U qalilhom Ġesù: “Iva, qatt ma qrajtu: “Minn fomm it-tfal u t-trabi ħejjejt tifħir’?”(Mt 21, 15-16)

Ġesú ħabbar il-qerda ta’ Ġerusalemm u tat-tempju.

 “Ġerusalemm, Gerusalemm, li toqtol il-profeti u tħaġġar ’il dawk li huma
mibgħutin lilek, kemm-il darba ridt niġma’ ’l uliedek, bħalma tiġieġa tiġma’
 l-flieles tagħha taħt ġwinħajha, u ma ridtux. Ara, sa titħallielkom darkom ħerba”
 (Mt 23, 37-38).

Lis-Samaritana Ġesù kien qalilha:

“Intom tqimu dak li ma tafux, aħna nqimu dak li nafu, għax il-ħelsien jiġi
 mil-Lhud. Imma jiġi ż-żmien, u issa hu, meta dawk li jqimu fis-sewwa
 jqimu l-Missier bl-ispirtu u l-verità; għax bħal dawn iridhom il-Missier
dawk li jqimuh”(Ġw 4, 23).

Żmien it-tempju kien skada. Alla jitlaq mit-tempju u t-tempju ma jibqax id-dar t’Alla imma tal-bnedmin. Naraw it-tmiem fis-sens storiku-salvifiku tat-tempju li jsir ħerba u jispiċċa minn post li fih hemm il-preżenza t’Alla. Kien spiċċa ż-żmien tas-sagrifiċċji skont il-liġi ta’ Mosè. Issa kien wasal kult ġdid f’tempju mhux mibni mill-bnedmin. Ġesù ħa post it-tempju. Hu t-tempju l-ġdid. Dan it-tempju – l-Ġisem ta’ Kristu rxuxtat – jiġbor il-popli u jgħaqqadhom fis-Sagrament tal-Ġisem u d-Demm tiegħu. Ġesù stess hu t-tempju tal-umanità.

Dwar il-qerda ta’ Ġerusalemm u tat-tempju Ġesù qalilhom:

Ngħidilkom is-sewwa, li ma jgħaddix dan in-nisel sakemm isir dan kollu” (Mt 24, 34)“…jaqgħu b’xifer is-sejf u jittieħdu lsiera qalb ħafna ġnus, u tkun Ġerusalemm mirfusa mill-ġnus sa ma jintemm żmien il-ġnus” (Lq 21, 24).

Dwar it-tmiem tad-dinja Ġesù qal: “Imma l-ewwel jeħtieġ li tixxandar il-Bxara qalb il-ġnus kollha”(Mk 13, 10).

“U tixxandar din il-bxara tas-saltna kollha, bħala xhieda lill-ġnus kollha; imbagħad jiġi t-tmiem”(Mt 24, 14).

Ġesù ta dan il-parir: “Mela ishru dejjem u itolbu biex ikun jistħoqqilkom taħarbu dankollu li għandu jiġi u tieqfu quddiem Bin il-bniedem” (Lq 21, 36).

Mistoqsi mill-Fariżej meta tiġi s-saltna ta’ Alla, weġibhom u qal: “Is-saltna ta’ Alla matiġix bid-deher, lanqas ma jgħidu: ‘Ara, hawn; jew ara, hemm.’ Għax, ara, is-saltna ta’Alla hi ġo fikom”(Lq 17, 20).

Kliem Ġesù jmexxina lejn dak li hu essenzjali: għall-ħajja mibnija fuq il-kelma ta’ Alla li Ġesù tana; għall-inkontru miegħu l-Kelma ħajja, għar-responsabbiltà quddiem l-Imħallef tal-ħajjin u tal-mejtin.

Binhar Ġesù kien jgħallem fit-tempju, u l-iljielikien jgħaddihom fil-beraħ, fuq l-Għolja li jgħidulha taż-Żebbuġ. U l-poplu kollu kien ibakkar imur it-tempju biex jisimgħu”(Lq 21,37-38).

Wara jumejn kellu jkun l-Għid u l-Ażżmi, u kienu l-qassisin il-kbar u l-Kittieba jfittxu kif jaqbdu ’l Ġesù bil-qerq u joqtluh (Mk 14,1).

Fl-ewwel jum tal-ażżmi, meta kienu jissagrifikaw (il-ħaruf tal-) Għid,…bagħat tnejn mid-dixxipli…..u ħejjew (l-ikla ta’) l-Għid(Mk 14, 12-16).

Qabel il-festa tal-Għid, billi kien jaf Ġesù li waslet is-siegħa tiegħu biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand Missieru, hu, li kien ħabb lil tiegħu fid-dinja, baqa’ jħobbhom sal-aħħar. Waqt l-ikla, meta kien ix-xitan diġà daħal f’qalb Ġuda, bin Xmun, l-Iskarjota, biex jittradih…..Ġesù….qam minn fuq il-mejda…..u beda jaħsel riġlejn id-dixxipli…. Wara li ħaslilhom riġlejhom….reġa’ qagħad fuq il-mejda u qalilhom: “Tifhmu x’għamiltilkom? Intom issejħuli ‘Mgħallem’ u ‘Mulej’, u sewwa tgħidu, għax hekk jien. Mela jekk jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom riġlejkom, għandkom intom ukoll taħslu riġlejn xulxin; għax jien tajtkom mera biex kif għamilt jien, tagħmlu intom ukoll (Ġw 13, 1-15).

Ġesù ħabbar it-tradiment ta’ Ġuda…qal: “Tassew, tassew ngħidilkom, wieħed minnkomsa jittradini”(Ġw 13, 21).  F’Salm 41,10 insibu: “Saħansitra wieħed ħabibi, li kont nemmen,li minn ħobżi kien jiekol, minn fuq dawwar għalija”.

u ċ-ċaħda ta’ Pietru “…Tassew, tassew ngħidlek, (Pietru) ma jiddinx is-serduk li matkunx ċħadtni tliet darbiet” (Ġw 13, 38).

Ġesù kien qal: “Waslet is-siegħa li jissebbaħ Bin il-bniedem. Tassew, tassew ngħidilkom,jekk il-qamħa, li tintefa’ fl-art, ma tmutx, tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafnafrott”(Ġw 12,23-24)… “U jien, meta nitgħolla mill-art, niġbed lil kulħadd lejja”(12,32).

San Pawl jgħidilna: “…xejjen lilu nnifsu billi ħa s-sura ta’ lsir u sar jixbah lill-bnedmin; minn barra deher bħala bniedem; iċċekken billi sar ubbidjenti sal-mewt, sal-mewt fuq is-salib”(Fil 2,7-8).

Fl-Apokalissi (7, 13-14) insibu: …wieħed mix-xjuħ qabad jitkellem u qalli: “Dawn li libsin l-abjad min huma u mnejn ġew?….Dawn huma li ġew mit-tiġriba l-kbira; huma ħaslu lbieshom u għamluhom bojod f’demm il-Ħaruf.”

Biex il-bniedem jidher quddiem Alla u jidħol f’komunjoni miegħu jrid ikun pur.

Ġesù sejjaħ mill-ġdid il-kotra u qalilhom: “Isimgħu lkoll u ifhmu. M’hemm xejn barra mill-bniedem li, meta jidħol fih, jista’ jniġġsu; imma dak li joħroġ mill-bniedem hu li jniġġes il-bniedem…….. Għax minn ġewwa, minn qalb il-bniedem, joħorġu l-ħsibijiet ħżiena, żina, serq, qtil, tkażbir iż-żwieġ, regħba, dnewwa, qerq, faħx, għira, dagħa, kburija, bluha. Dawn il-ħwejjeġ ħżiena kollha joħorġu minn ġewwa u jniġġsu l-bniedem” (Mk 7, 14-23).

Min huma dawk ta’ qalb pura?  F’Mattew (5, 8) insibu: “Imberkin dawk li qalbhom safja,għax huma jaraw ’l Alla.”

Ġesù qalilna: “Intom ilkoll safjin minħabba l-kliem li għedtilkom. Ibqgħu fija, u jiena fikom. Bħalma ż-żarġuna ma tistax tagħmel frott minnha nfisha, jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija” (Ġw 15, 3-4).

Fit-talba tiegħu għall-għaqda bejn l-Insara, Kristu jitlob lill-Missier biex iħarishom u jgħidlu: “Qaddishom fis-sewwa; kelmtek hi sewwa” (Ġw 17, 17).

Wara l-ħasil tar-riġlejn insibu t-Talba Saċerdotali ta’ Ġesù u mbagħad “Ġesù ħareġ mad-dixxipli tiegħu n-naħa l-oħra ta’ Wied Qedron, fejn kien hemm ġnien li fih daħal hu u d-dixxipli tiegħu.”

Dak li jippurifikana hi l-imħabba ta’ Kristu, imħabba li twassal sal-mewt. Il-kelma ta’ Ġesù mhix biss kelma imma Hu stess Hu l-Kelma. U l-Kelma hi l-Verità u l-Imħabba.

San Pawl jgħidilna : “li Alla qiegħdu bħala vittma ta’ maħfra b’demmu, (maħfra li wieħed jaqla’) bil-fidi, biex juri l-ġustizzja tiegħu” (Rum 3, 25).

U jgħid ukoll: “Aktar u aktar issa li aħna ġustifikati b’demmu nkunu meħlusin bih mill-għadab”(Rum 5, 9).

“Fih għandna l-fidwa b’demmu, il-maħfra tad-dnubiet, skont l-għana tal-grazzja tiegħu” (Ef 1, 7).

Fil-fidi Kristjana, hu proprju l-Verb li sar bniedem għalina – Ġesù – li jippurifikana verament u jgħaqqadna ma’ Alla. Ġesù hu t-triq, il-verità u l-ħajja.

Imbagħad meta ra Ġuda, li kien ittradieh, li kienu qatgħuhielu għall-mewt, sogħbih u radd it-tletin biċċa tal-fidda lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ u qal: “Dnibt, għax ittradejt demm bla ħtija.” Qalulu: “X’nindaħlu? Ara int.” U rema l-flus fit-tempju, telaq u mar tgħallaq (Mt 27, 3-5). It-tieni traġedja wara t-tradiment: Ġuda ma emminx li dnubu seta’ jinħafirlu, iddispra, ma rax id-dawl ta’ Kristu. Ma ġiebx quddiem għajnejh kemm Ġesù kien ġentili miegħu, sa indirizzah bħala ħabib, tah iċ-ċans biex jindem imma bil-maqlub spiċċa li ddispra u mar tgħallaq. Ġuda kien iddisgustat bl-effetti ta’ dnubu imma mhux bid-dnub. Kien jaf li ttradixxa demm innoċenti u minflok ma talab maħfra bagħad lilu nnifsu.

Pietru min-naħa l-oħra sogħbih talli caħad lil Ġesù u beka għax offendih.

Ġuda ma kienx kapaċi jikkonverti filwaqt li Pietru kkonverta.

Ġesù kien qal lil Nikodemu : “U dan hu l-ħaqq: li ġie d-dawl fid-dinja, u ħabbew il-bnedmin id-dlam aktar mid-dawl, għax għemilhom kien ħażin” (Ġw 3, 19).

Fil-Ġetsemani Ġesù qal lil dawk li ġew jaqbduh: “Kuljum kont inkun magħkom fit-tempju, u ma meddejtux idejkom fuqi, imma din hi s-siegħa tagħkom u s-setgħa tad-dlam” (Lq 22, 53).

Il-Messija daħal fil-glorja permezz tat-triq tas-salib. Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb qal: “Għalhekk il-Missier iħobbni, għax jien nagħti ħajti, biex nerġa’ neħodha. Ħadd ma jeħodhieli, imma jien nagħtiha minn rajja: għandi s-setgħa nagħtiha u għandi s-setgħa nerġa’ neħodha. Dan il-kmandament li ħadt mingħand Missieri” (Ġw 10, 17-18).

M’għandniex ngħidu ’l Alla dak li għandu jagħmel imma nitgħallmu naċċettaw ir-rieda tiegħu bl-umiltà fil-qadi tiegħu u nħallu ruħna niġu magħġuna  fuq l-immaġini ta’ Kristu.

“Jekk ngħidu li ma għandniex dnub, aħna nqarrqu bina nfusna, u s-sewwa mhux fina. Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust biex jaħfrilna dnubietna u jsaffina minn kull ħażen. Jekk ngħidu li ma dnibniex, noħorġu ta’ giddieb lilu, il-kelma tiegħu mhix fina” (1 Ġw 8-10).

Fil-ħasil tar-riġlejn Ġesù qiegħed quddiemna bħala l-Qaddej t’Alla li jġorr fuqu l-piż ta’ ħtijietna biex inaddafna u nkunu nistgħu nersqu lejn Alla. Ġesù umilja ruħu sal-mewt tas-salib u Alla ġie gglorifikat permezz tiegħu.

Nitgħallmu minn Ġesù u ngħixu f’għaqda sħiħa miegħu, inħallu ’l Alla jgħammar fina.
San Pawl (Gal 2, 20) jgħidilna: “Ngħix, imma mhux aktar jien, imma jgħix fija Kristu: il-ħajja li issa ngħix fil-ġisem ngħixha fil-fidi tal-Iben ta’ Alla li ħabbna u ta lilu nnifsu għalina.”

Ngħoddsu fil-ħniena t’Alla biex qalbna ssib it-triq it-tajba.

Santu Wistin jgħid: “Tini dak li tikkmandani u kkmandani dak li  trid”(Stqarrijiet X29, 40). Il-fatt li aħna Nsara hu don t’Alla. Għalhekk ngħixu u naġixxu skont ma jitlob minna dan id-don.

 

Advertisements

1 Response to ĠESÙ minn Ħadd il-Palm sa Ħamis ix-Xirka

  1. Pingback: https://oskt.wordpress.com/gesu-minn-hadd-il-palm-sa-hamis-ix-xirka/ | ORDNI SEKULARI KARMELITAN TEREŻJAN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s