MEDITAZZJONI FUQ IL-KURĊIFISS

Curcifiss ta' Giesu

MEDITAZZJONI FUQ IL-KURĊIFISS

Minn P. Wiġ Pisani O.C.D.

Jekk niffissaw il-ħarsa tagħna fuq il-Kurċifiss nibdew nagħrfu bil-mod il-mod kemm hi kbira din l-imħabba ta’ Alla, din l-imħabba ppreżentata f’Sidna Ġesù Kristu; u allura, ġo fina jqum dan is-sens ta’ korrispondenza u nħobbuh aħna wkoll, għaliex nipparteċipaw aħna wkoll minnha. Ġesù twieled u miet għall-bnedmin kollha –għalina lkoll. Imma hemm bnedmin li għadhom qatt ma semgħu b’Alla. Dawn jeħtieġ li jkun hemm xi ħadd li jgħinhom biex isiru jafu lil Alla. Permezz tal-imħabba tagħna lejn Alla nkunu qed nikkorrispondu bil-ġenerożità fix-xewqat li għandu Alla l-Imbierek biex isalva lil kollha kemm hija l-umanità.

   Meta nħarsu lejn Ġesù fl-Ewkaristija ġa xi ħaġa, meta nipparteċipaw u nirċievu ’l Ġesù fl-Ewkaristija hemm ħaġa importantissima, però, biex inżommu ruħna f’din il-preżenza l-aħjar inħarsu lejn Ġesù inkarnat fil-mument tal-passjoni, nimmeditaw fuqu, nammirawH, naraw lil Ġesù Kristu l-Iben ta’ Alla materjali – Ġesù Msallab.

X’naraw meta nħarsu lejn il-Kurċifiss? Qegħdin naraw l-Iben ta’ Alla inkarnat, magħmul Bniedem qed ibati. Għaliex? Sabiex isalva lil kollha kemm hija l-umanità, u l-imħabba tiegħu tinfluwixxi fuq kollha kemm huma l-bnedmin u tikkomunika l-grazzja tal-konverżjoni, tal-qdusija.

X’qed nara meta nħares lejn il-Kurċifiss? Qatt ippruvajtu tieqfu ftit u tippenetraw f’dan l-ispirtu din il-verità? Qed nara vittma ta’ mħabba kbira, assolutament safja, infinitament ħanina ma kollha kemm hija l-umanità. Issa nispjegaw ftit x’jiġifieri dan. B’vittma assolutament safja nifhem biha l-Umanità ta’ Sidna Ġesù Kristu. Naturalment il-valuri huma divini għax il-persuna hija divina. Nara din il-vittma li hija qaddisa, innoċentissma, safja, mingħajr ebda ħtija, mgħobbija bil-ħtijiet tal-bnedmin kollha u dan bla raġuni ta’ xejn, fuq dik l-umanità. Qed naraha msallba quddiem għajnejja, għalkemm vittma assolutament safja. Ma hemm l-ebda raġuni li d-dnub jippenetra l-umanità ta’ Kristu. Id-dnub għandu ċertu dritt fuqi għaliex jiena midneb – hemm ċertu dritt ta’ eżistenza li jiena niġi mċappas bid-dnub. Imma f’Ġesù Msallab m’hemm l-ebda ħtija, m’hemm l-ebda raġuni li fih jeżisti d-dnub bil-konsegwenzi tal-bniedem. Dan ifisser illi s-sofferenza li qed ibati hija assolutament gratis. Ma hemm l-ebda dejn min-naħa tiegħu. Naraw lil Ġesù imneżża’ minn kollox, internament u esternament, u mgħobbi bil-ħtija tal-umanità kollha mingħajr ma għandu ġo fih raġuni illi  dik l-umanità tiċċappas bid-dnub tal-bniedem għaliex Hu m’għandux dnubiet. Qed narah assolutament safi. Ifisser:

  1. Safi fis-suċċessjoni taż-żmien
  2. Safi fil-gravità tal-ħtija u
  3. Safi anke f’dik li hija istantanjetà ta’ numru.

Ħalli nspjega. Safi fis-suċċessjoni taż-żmien jiġifieri Ġesù Msallab li madwar 2000 sena ilu ħa l-passjoni qiegħed vittma fis-suċċessjoni taż-żmien jiġifieri iħaddan mill-ewwel dnub li sar mill-umanità tal-ewwel ġenituri tagħna, il-kors ta’ issa li qed bniedem jikkommetti fis-suċċessjoni taż-żmien. M’hemmx żmien li fih xi darba kienet imtebbgħa bid-dnub din l-Umanità ta’ Ġesù li qiegħda tbati fuq is-salib. U issa d-dnubiet li qegħdin isiru ma jistgħux jeħlu miegħu għax hu assolutament qaddis u dawk li għad iridu jsiru, dnubiet oħra, anki dawk jiġu kanċellati minnu fuq is-salib. Dawn m’għandhom l-ebda dritt ta’ eżistenza u għalhekk safi fis-suċċessjoni taż-żmien.

Qed nara quddiem għajnejja lil Kristu Msallab iħaddan il-ħtijiet kollha tal-umanità mhux magħmulin minnu imma mill-bnedmin – nies li ġew qabel, qegħdin issa u oħrajn li jiġu wara; dawn kollha qegħdin jaqgħu fuq dik l-umanità li hija assolutament safja, assolutament qaddisa, lim’hemmx raġuni li hija tiġi mċappsa bil-ħtija tal-bnedmin. Dan huwa Ġesù Msallab assolutament safi fis-suċċessjoni taż-żmien. Però apparti miż-żmien li m’hemmx żmien, m’hemmx epoka fejn tista’ tgħid li seta’ ġie mtebba’ hu stess għax ma kienx safi biżżejjed.

Barra minn hekk, hemm il-gravità, jiġifieri illi l-offiżi li saru, qed isiru – kbar kemm huma kbar, gravi kemm huma gravi – qatt ma jistgħu jeħlu mal-umanità ta’ Kristu għaliex il-qdusija tiegħu tissupera kull gravità tad-dnub li jista’ jikkommetti l-bniedem. M’hemmx dnub wieħed – kbir kemm huwa kbir – li mhux inferjuri għal Kristu. Kristu jxejjen kull dnub. Meta jmiss mal-umanità ta’ Kristu d-dnub jixxejjen. L-Umanità ta’ Kristu, li ħa minn Marija Verġni, hi assolutament safja. Id-dnub – l-anqas l-akbar dnub immaginabbli – ma jista’ jeħel miegħu.

Ejjew nieħdu l-eżempju li jtina San Ġwann tas-Salib biex nifhmu aħjar: għandek  ħadida tikwi – ‘red hot’ – Jekk inti titfa’ qatra ilma fuqha, l-ilma tispiċċa tinxef, għax il-qawwa tal-ħadida taħraq tixrobha. Hekk jiġri lid-dnub li jagħmel il-bniedem kontra Alla. Jaqa’ ‘in between’ bejn dan l-intermedjarju li huwa Sidna Ġesù Kristu msallab u d-dnub jispiċċa minħabba li l-qdusija u s-safa ta’ Ġesù hija infinita. Hekk, kwalunkwe dnub, kienet liema kienet il-gravità tiegħu, m’għandux raġuni li jeżisti fuq il-persuna divina li qed tbati umanament – bħala natura umana – fuq is-Salib.

Mhux biżżejjed: għandek is-suċċessjoni taż-żmien li tiġbor fihakull epoka, l-ispazju, jestendi ruħu għal kollox, għall-postijiet kollha.

Għandek il-gravità – l-intensità tal-ħtieġa. Gravi kemm huma gravi, kbar kemm huma kbar, dawn kollha kemm huma jiġu superati mis-safa u l-qdusija ta’ din l-Umanità ta’ Sidna Ġesù Kristu li qegħda tbati però b’valur infinit, b’valur divin, għax il-persuna hija divina. Ġesù bata bħala bniedem għax bħala Alla – in-natura divina – ma setax l-anqas imut. B’din l-għaqda tal-Unjoni Ipostatika – in-natura divina man-natura umana – il-valur tal-ħtija li jmiss fuq l-umanità jiġi ssuperat min-natura divina tal-istess Sidna Ġesù Kristu.

Però għedtilkom ħaġa oħra. Għedtilkom mhux biss assolutament safi imma wkoll infinitament ħanina. Dan is-safa assolut jiġbor fih kollox – fiż-żmien, fl-ispazju, fil-gravità – f’kollox.

Hemm imbagħad il-ħniena, l-imħabba – għax Alla tant ħabb id-dinja li bagħat lil Ibnu stess għalina. Ibnu ħa n-natura umana biex seta’ jbati, biex isalva lilna – għalhekk infinitament ħanina.

Issa x’jiġifieri infinitament ħanina?  Ifisser li m’hemmx żmien li b’mod jew ieħor se tieqaf. U meta l-bniedem jikkommetti l-aħħar dnub, l-aħħar ħtija, il-ħniena t’Alla tkun għada se tibda għax ma tispiċċa qatt għax infinita – infinita għax divina, kif hija safja u qaddisa għax divina, hekk ukoll infinitament divina fl-istess persuna ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Għalhekk għandna nikkorrispondu b’ġenerożità, b’sens ta’ responsabbiltà meta nifhmu kemm hi kbira l-imħabba ta’ Alla għalina, għall-umanità kollha.

Kif se nwieġbu għal din l-imħabba? Billi nersqu viċin lejn l-Umanità ta’ Sidna Ġesù Kristu. Nieqfu biex nifhmu l-kobor tal-imħabba ta’ Alla.

Għaliex ħadha l-passjoni Ġesù? Kien hemm bżonn joħodha? Ma setax ħafrilna kollox mill-ewwel mingħajr passjoni xejn? U kien hemm bżonn jieħu passjoni ta’ dik il-kwalità, eżawrit, agonizzanti fl-Ort tal-Ġetsemani, flaġellat, imsallab? Qatra demm ma kinitx biżżejjed? Dan kollu għalfejn?  Għamlu biex naraw, biex nifhmu l-kobor tal-imħabba tiegħu għall-bniedem. Kemm hija ta’ piż u kemm fiha x’tiżen din il-frażi li “Alla hekk ħabb id-dinja li bagħat lil Ibnu fostna biex isalvana”. Fl-ittra ta’ San Ġwann (1Ġw 4.10) insibu: “F’dan qiegħda l-imħabba (tiegħu), li mhuxaħna ħabbejna ’l Alla, imma Hu ħabbna u bagħat ’l Ibnu bħala tpattija għall-maħfra ta’ dnubietna”. Araw din il-frażi qasira x’imħabba tiġbor fiha! Inkunu kemm inkunu ġenerużi ma’ Alla, qatt ma aħna se nilħqu l-ġenerożità tiegħu għalina. Fiċ-ċokon tagħna però għandna nikkorrispondu mal-imħabba t’Alla u nagħmlu li nistgħu.

Meta naħsbu dwar minn xiex għaddew il-qaddisin, kemm batew u sofrew, narawhom kbar f’għajnejna. Imma t-tbatija tal-qaddisin u l-martri f’daqqa ma hi xejn ħdejn dik ta’ Ġesù. Huma, bl-għajnuna tal-grazzja ssuperaw kull tbatija, imma meta jiġu vis-a-vis ma’ dak li għadda minnu Kristu, ngħidu li batew ftit. Għalkemm huma għamlu atti erojċi, però, ipparagunati ma’ dak li wettaq Kristu, jidhru tikka – għaliex Ġesù hu qaddis kollu kemm Hu, Hu assolutament safi, waqt li huma kellhom id-dnub oriġinali.

Meta tidra timmedita, tidħol f’din l-atmosfera, f’dan l-ambjent li Kristu jippreżentalek, tqanqal ġo fik korrispondenza u sens ta’ responsabbiltà, sens ta’ mħabba. Allura tipprova taqtagħlu x-xewqat tiegħu u tipprova anki tantiċipahom biex taraH kuntent u maħbub u tista’ tasal forsi f’dawk il-każijiet stupendi li kienu jgħaddu minnhom ħafna qaddisin. Għandna l-eżempju tal-Omm tagħna Santa Tereża – it-trasverberazzjoni – tant ħasset u ħabbet lil Ġesù li stħajlitha sa tmut bin-nar ta’ mħabba li ħasset meta Serafin nifdilha qalbha.

Il-korrispondenza fl-imħabba tittrasformana. Aħna tempju tal-Ispirtu s-Santu. Nimmeditaw fuq Kristu Msallab. Naraw kemm hi kbira l-imħabba ta’ Alla lejn il-bnedmin, li saħansitra ħa l-mewt għalina biex jifdina, u “noqgħodu attenti (anki) għall-ħwejjeġ żgħar. Kollox huwa kbir f’għajnejn Alla… Nagħtuh kollox” tħeġġiġna Santa Marjam ta’ Ġesù Msallab.

Imbagħad inħallu ’l Alla jittraformana. Napplikaw għalina kliem San Ġwann: “U aħna għarafna u emminna fl-imħabba li għandu Alla għalina. Alla hu mħabba; min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla u Alla jgħammar fih” (1Ġw4,16). B’hekk bl-għajnuna tal-grazzja nikbru fl-għaqda tagħna ma’ Alla.

Advertisements