X’QAL ĠESÙ MINN FUQ IS-SALIB IS-SEBA’ KELMIET

Christ-crucified

Ġesù ġie msallab f’post jgħidulu l-Qorriegħa, bil-Lhudi Golgota, sallbuh fin-nofs bejn żewġ ħatja. Hu baqa’ jgħallem anki minn fuq is-salib, u qatt ma eżista predikatur  bħalu.

Il-poplu qagħad fil-qrib jara l-“ispettaklu”. L-aktar li kien hemm kienu nisa, għax l-irġiel kienu mħabbtin jippreparaw il-ħaruf għall-Għid. L-appostli u d-dixxipli fejn kienu? Ġuda biegħu, Pietru ċaħad għal tliet darbiet li jafu, u ħafna mid-dixxipli ħarbu u staħbew.

   “Kienet it-tielet siegħa xħin sallbuh.” “Dawk li kienu għaddejjin bdew jgħajruh, iċaqalqu rashom u jgħidu: ‘Għajb għalik, int li tħott it-tempju u tfittex terġa’ tibnih fi tlitt ijiem! Inżel minn fuq is-salib u salva lilek innifsek!’ Hekk ukoll il-qassisin il-kbar bdew jiddieħku bih bejniethom u mal-kittieba u jgħidu: ‘Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva! Ħa jinżel issa l-Messija, is-sultan ta’ Iżrael, minn fuq is-salib biex aħna naraw u nemmnu! ’ (Mk, 15, 25, 29-32).

Dawk il-kiefra li kienu qed isallbuh stennewh iwerżaq. L-Iskribi u l-Fariżej kienu żguri li kien se jinsa l-imħabba tal-għedewwa li kien ippriedka. Imma bħal siġra tfuħ li tfewwaħ l-istess minġel li jkun qed iqaċċatha, mill-Qalb kbira tiegħu ħarġet talba ħelwa ta’ maħfra.

 

  1. “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”(Lq 23, 46).

Maħfra għal min? Għall-għedewwa? Għas-suldati? Għal Erodi? Għal Pilatu? Għal min kien qed jinsultah u jsallbu? Kieku kienu jafu x’qed jagħmlu żgur li ma kinux jaslu li joqtlu lil Sid il-Ħajja. Bħala medjatur bejn Alla u l-bniedem Ġesù ferrex il-maħfra. Bħala Qassis il-Kbir offra ruħu b’sagrifiċċju, u talab għall-midinbin. F’ċertu sens il-kliem ta’ maħfra ntqal darbtejn: l-ewwel darba fl-Għeden, meta Alla wiegħed il-fidwa permezz tan-nisel tal-mara li kellu jisħaq ras is-serpent u issa bħala Alla fil-forma tal-Qaddej Sofferenti li wettaq il-wegħda. Tant kienet kbira l-Imħabba Divina li wriet ruħha f’din l-ewwel kelma minn fuq is-salib li l-eku tagħha dewa tul l-istorja, Ġesù saċerdot u vittma offra ruħu biex jifdi l-umanità midinba. Ġesù mhux biss ħafrilhom imma skużahom ukoll. Hawn insibuh ikellem il-Missier Etern.

Ġesù jitlob il-maħfra mhux biss għal dawk li għamlu lilu. Mhuwiex imsallab waħdu. Hemm tnejn oħra ħdejh li jirrappreżentaw lil dawk li matul iż-żmien aħna sallabna. Meta nidinbu nkunu qed inwettqu għemejjel li ma jħallux frott u li jmorru kontra t-tifsir ta’ ħajjitna. Il-maħfra tfisser li l-istorja tagħna tkun tista’ tkompli miexja ’l quddiem, lejn il-ferħ (Is-Seba’ Kelmiet ta’ Timothy Radcliffe OP,p. 30).

Il-maħfra tfisser li aħna nsibu l-qawwa li niġu wiċċ imbwiċċ ma’ għemilna (p.27).

Il-maħfra ma tfissirx li Alla nesa’ l-Ġimgħa l-Kbira, tfisser li l-Missier iqajjem lill-Ibnu f’Ħadd il-Għid(p.26).

Ġesù, għinni niftaħ qalbi u nħobb u niskuża lil kull min jonqosni u għinni wkoll ninbidel ħalli ngħix sewwa l-kmandamenti tiegħek.

   ‘Pilatu għamel kitba u waħħalha fuq is-salib; fiha kien hemm miktub, “Ġesù ta’ Nazaret, is-sultan tal-Lhud”. Din il-kitba qrawha ħafna Lhud, għax il-post fejn sallbu lil Ġesù kien qrib il-belt, u l-kitba kienet bil-Lhudi, bil-Latin u bil-Grieg. Għalhekk il-qassisin tal-Lhud marru jgħidu lil Pilatu: “ma kienx imissek tikteb, ‘Is-sultan tal-Lhud’, imma li ‘Dan qal: Jiena sultan tal-Lhud.’” Pilatu wieġeb: ‘Issa li ktibt ktibt!”

   Wara li sallbu lil Ġesù, is-suldati ħadu l-ilbies tiegħu u qassmuh f’erbgħa, sehem lil kull wieħed minnhom. U ħadu wkoll it-tunika; din kienet libsa bla ħjata, minsuġa biċċa waħda minn fuq s’isfel. Ftiehmu bejniethom u qalu: “Ma nqattgħuhiex, iżda nitfgħu x-xorti għaliha, u lil min tmiss jeħodha (Ġw 19: 19-24).

Salm 22 (21), 19 jgħid: “Ħwejġi jaqsmu bejniethom, jaqtgħu x-xorti ghal-libsa tiegħi.”

2.Wieħed mill-ħatjin li kienu msallba miegħu beda jgħajru u jgħidlu: “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna.” Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: “Anqas minn Alla int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin.” Imbagħad qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek.”  U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-ġenna miegħi(Lq. 23 39-43)

Hawn fuq il-Kalvarju naraw rappreżentazzjoni tal-Aħħar Ġudizzju, Ġesù – l-Imħallef – fin-nofs u ż-żewġ sezzjonijiet tal-umanità kull naħa, is-salvi u l-mitlufa, in-ngħaġ u l-mogħoż. Meta Ġesù jerġa’jiġi fil-glorja biex jiġġudika lill-bnedmin, is-Salib ikun miegħu bħala sinjal ta’ unur u mhux ta’ mistħija.

Insejħulu‘l-ħalliel it-tajjeb’. Hija deskrizzjoni tajba, għax jaf tajjeb kif jakkwista dak li mhux tiegħu. Huwa għamel l-akbar akkwist fl-istorja. Akkwista l-ġenna bla ma ħallas għaliha. Kieku Ġesù ġie bħala għalliem biss, il-ħalliel qatt ma kien jitlob maħfra. Imma Ġesù ġie fid-dinja biex isalva l-erwieħ. Il-ħalliel sema’ l-kliem ta’ maħfra li lissen Ġesù qabel u għamel it-talba tiegħu. Ħabbat darba,staqsa darba u sab kollox. Emmen f’Ġesù allavolja raħ imsallab, imbiċċer bl-imsiemer u bid-daqqiet tal-frosta u b’kuruna tax-xewk f’rasu. Qalb Ġesù u lsienu lissnu maħfra dakinhar. Min jista’ jaħfer id-dnubiet ħlief Alla biss?! U min seta’ jwiegħdu l-Ġenna ħlief Alla biss! Hekk għandna nagħmlu aħna wkoll, irridu nitgħallmu naċċettaw ir-rigali ta’ dan is-Sultan tas-Sema.

3.Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. Mela kif lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek.” Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok(Ġw 19, 25-27)

Ġesù minn fuq is-salib lissen l-istess kelma li qal fit-tieġ ta’ Kana. Dakinhar Ġesù kien qiesu ried jgħid lil ommu li meta juri d-Divinità tiegħu, hekk kif jagħmel il-miraklu hu jibda t-triq lejn is-salib. Qalilha: “Is-siegħa tiegħi għada ma waslitx.” Qiesu ried jgħidilha:  Jekk nibda x-xogħol tal-fidwa, ir-rwol tiegħek bħala ommi jinbidel għaliex int issir ukoll omm dawk mifdija minni. Jien ir-Ras tal-umanità, mal-fidwa, int, li int Omm ir-Ras, issir ukoll omm tal-ġisem mistiku li hi l-Knisja. Biex nuri r-rwol li għandek fil-Fidwa, nagħmlek omm universali tal-bnedmin kollha.

Ommu ngħatat lill-akbar ħabib biex ikun binha, u d-dixxiplu l-maħbub ingħata omm. Hawn għandna t-twelid tal-Knisja. Il-Madonna, Eva l-ġdida, hi omm dawk kollha li jgħixu t-twemmin. Allura din hija l-familja tagħna. Għandna ommna u ħuna.

Hemm żewġ perijodi kbar fir-relazzjoni ta’ Ġesù ma’ ommu. L-ewwel minn Betlehem sa Kana u t-tieni minn Kana sal-Kalvarju. Fl-ewwel perijodu kienet omm Ġesù, fit-tieni bdiet tkun ukoll omm il-mifdija minn Ġesù. Kemm swielha li tkun ommna! Lil Ġesù wellditu fil-ferħ f’għar imma lilna fit-tbatija fuq il-Kalvarju, tant li stħoqqilha ssir Sultana tal-Martri.

Ġesù jerfa’ fuqu l-ostilitajiet u l-akkużi kollha li l-bnedmin jagħmlu kontra xulxin. Li tkun Nisrani jfisser li tagħraf li f’riġlejn is-salib twieldet familja li minnha ħadd ma għandu jitħalla barra. Aħna lkoll aħwa ta’ xulxin.

Maħbub Ġesù, għaliex hemm ftit nies taħt is-salib? X’sar minn dawk kollha li magħhom int qsamt ħajtek matul il-ħajja pubblika tiegħek? Għaliex mill-appostli kien hemm Ġwanni biss? Għaliex ċaħdek Pietru? Għaliex Ġuda ttradik? Mulej Ġesù meta nħares lejn id-dixxipli tiegħek nintebaħ kemm jiena dgħajfa u kemm-il darba ħallejtek waħdek. Mulej, qawwili qalbi biex nimxi fit-triq tiegħek.

4.Għall-ħabta tat-tlieta….Ġesù beda jitlob b’Salm 22 (21), 2 u għajjat b’leħen qawwi u qal; “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”(Mt. 27, 48)

Mis-sitt siegħa ’l quddiem waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disgħa siegħa(Mt 27, 45) .

Meta Ġesù twieled f’Betlehem il-lejl iddawwal, issa fuq il-Kalvarju is-sema f’nofsinhar iddalmet. Sidna Ġesù kien daħal fit-tieni fażi tat-tbatija tiegħu.

F’Salm 22 (21) 7-9 insibu:

              Jien dudu tal-art, u mhux bniedem,
 żebliħ tan-nies, tkażbir tal-poplu.
 Dawk kollha li jarawni jidħku bija,
 jgħajbuni, iħarrku rashom u jgħidu:
“F’idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu!
Ħa jsalvah hu, la bih jitgħaxxaq!”

   Il-bniedem kien tbiegħed minn Alla, u Ġesù, il-Verb Inkarnat ried iħoss fl-umanità tiegħu l-effett tal-ħtija. L-art kienet diġà abbandunatu meta għollietu fuq is-Salib, is-Sema wkoll abbandunah meta ddallmet. Hu kien imdendel bejn it-tnejn biex jgħaqqadhom u jerġa’ jħabbibhom flimkien.

F’kull kelma li rajna s’issa Ġesù kien Medjatur Divin. Fl-ewwel kelma talab maħfra għall-ħatja inġenerali. Fit-tieni antiċipa l-aħħar rwol fi tmiem id-dinja meta jifred it-tajbin mill-ħżiena. Fit-tielet kien medjatur li ta Omm lill-umanità mifdija minnu u issa nsibuh medjatur għall-umanità midinba. Alla u Hu għal mument jinsabu kontra xulxin. L-ewwel rigal ta’ Alla fil-ħolqien kien id-dawl li Hu riedu jiddi fuq it-tajbin u il-ħżiena. Ġesù ċaħħad lilu nnifsu minn dan ir-rigal tad-dawl f’dak il-ħin.

L-għajta ta’ Ġesù ma kenitx għajta ta’ disperazzjoni.  Ir-ruħ iddisprata qatt ma tgħajjat ’l Alla. L-għajta hi għajta ta’ tama li x-xemx terġa’ toħroġ u tkeċċi d-dlam. Hawn għandna għajta ta’ uġigħ u solitudni.

Ġesù int tlabt b’dan il-vers li hu talba tal-bniedem tajjeb li fit-tbatija u l-qtigħ il-qalb idur kollu tama lejn Alla tiegħu. Int ħadt dan il-vers mir-Rabta l-Qadima u applikajtu għalik: bniedem ippersegwitat li tqiegħed il-fiduċja kollha tiegħek f’Alla biss.

Meta nlissnu kliem ta’ niket u hemm, niftakru li Ġesù wkoll lissen kliem bħal dan. U meta ma nsibux kliem, lanqas biex inwerżqu, allura nieħdu kliemu (ibid. p 53);  Kristu għadu jgħajjat din l-għajta fina.

Kif qatt seta’ l-Missier iħalli jew jabbanduna l-uniku Iben meta l-Missier u l-Iben huma ħaġa waħda? Kristu sammar id-dgħufija tagħna mas-salib.

S.Pawlf’Gal.2,19-20jgħid:

“……. issallabt ma’ Kristu. Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu. Il-ħajja li issa ngħix fil-ġisem qiegħed ngħixha bil-fidi fl-Iben ta’ Alla, li ħabbna u ta lilu nnifsu għalija.”

  1. 5. Wara dan, Ġesù, billi issa kien jaf li kollox kien mitmum, biex isseħħ l-Iskrittura qal: Għandi l-għatx!” Kien hemm bieqja mimlija bil-ħall; huma xarrbu sponża bil-ħall, waħħluha ma’ qasba tal-issopu, u ressquhielu lejn ħalqu(Salm 69 (68), 22)(Ġw 28-29).

S’issa Ġesù kien qed jindirizza lil ħaddieħor. Issa beda jitkellem waħdu. Ma niskantawx li kellu l-għatx wara li kien tilef tant demm taħt is-swat u fil-kruċifissjoni. Hu ried li jseħħ dak kollu li kien hemm miktub dwaru fit-Testment il-Qadim. Bħala l-Qassis il-Kbir kienu l-profeziji dwaru li ġiegħluh jgħajjat: “Għandi l-għatx.”

David f’Salm 22:16 kiteb:

   “Ħalqi niexef bħal xuqqafa,
 lsieni mwaħħal ma’ ħnieki;
 ninsab mitfugħ fuq trab il-mewt.”

U f’Salm 69  : 21-22 :

 “It-tagħjir qasamli qalbi u fnieni;
fittixt min jagħdirni u ma sibt ’il ħadd;
u min ifarraġni, u ma kelli ’l ħadd.
 Tawni b’ikel il-velenu;
Sqewni l-ħall meta kont bilgħatx.”

   Is-suldati taw lil Ġesù minn dak li kienu jixorbu huma, ftit ħall qares u qadim. Ġesù aċċetta dak li tawh.

L-istess xewqa u għatx li Huwa kellu fuq is-salib …għadhom fih, u jibqgħu tul iż-żmien sakemm l-aħħar ruħ tkun salvata. Daqs kemm hu minnu li f’Alla hemm il-verità u l-ħniena daqstant ieħor hemm dan l-għatx u x-xewqa… li jibqgħu fih sakemm aħna nibqgħu fil-bżonn li huwa joħodna fis-sliem tiegħu. Ix-xewqa u l-għatx imqaddes ta’ Kristu għadu u jibqa’ sal-ġudizzju (ibid. p 58)

  1. Kif Ġesù ħa l-ħall, qal: “Kollox mitmun!”(Ġw 19, 30)

Sa mill-eternità Alla ried joħloq il-bniedem fuq ix-xbieha tal-Iben etern tiegħu. Mal-waqgħa ta’ Adam u Eva, Alla wiegħed il-Feddej. Tlieta kienu li kkaġunaw il-waqgħau tlieta kellhom sehem fil-fidwa. Għad-diżubbidjenza ta’ Adam insibu l-ubbidjenza ta’ Adam il-ġdid – Kristu; għas-suppervja ta’ Eva hemm l-umli Eva l-ġdida – Marija Verġni u għas-siġra tal-Għeden hemm is-siġra tas-Salib.

  1. Pawl (Rum 5,12.21) jgħidilna:

     “Għalhekk, bħalma kien permezz ta’ bniedem wieħed li fid-dinja daħal id-dnub, u permezz tad-dnub il-mewt,…hekk issa l-grazzja ssaltan permezz tal-ġustizzja għall-ħajja ta’ dejjem bis-saħħa ta’ Ġesù Kristu Sidna.”

Din ma hijiex sempliċi karba ta’ moribond li għalih spiċċa kollox. Hija għajta ta’ rebħ. Tfisser, ‘Issa kollox lest.’ Dak li jrid jgħid huwa, ‘Issa kollox perfett.’ Fil-bidu tal-aħħar ċena, San Ġwann jgħidilna ‘hu li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, u ħabbhom għall-aħħar’. Fuq is-salib naraw il-perfezzjoni ta’ mħabbtu (ibid. p. 65).

   Ġesù “ħafrilna dnubietna kollha.
 ħassar il-kont tad-dejn li kellna
bl-obbligi li kien hemm kontrina;
neħħieħ min-nofs u sammru mas-salib”
(Kolossin 2, 14)

Alla bagħat ’l Ibnu stess f’sura ta’ ġisem tad-dnub, bħala vittma għad-dnub(Rumani 8,3).

  1. Imbagħad Ġesù għajjat għajta kbira u qal: Missier, f’idejk jien nerħi ruħi”(Lq 23, 46).

Minn fomm Ġesù ħarġet din it-talba perfetta. Dawn il-kelmiet ma tlissnux minn taħt l-ilsien bħal dawk ta’ bniedem f’tarf ħajtu. Kienu kkwotati minn Salm 31(30): 6-8 :

 F’idejk jien nerħi ruħi;
int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.
 Int tobgħod ’il min iqim allat fiergħa,
imma jien fil-Mulej nittama.
Nifraħ u nithenna għat-tjieba tiegħek,
int, li rajt l-hemm tiegħi,
li għaraft id-diqa ta’ qalbi.

   L-ewwel u l-aħħar kelmiet mis-sebgħa huma mmirati lejn il-Missier. …..Ġesù kellimna b’intimità kbira, bħala sultan, bħala ħuna, bħala  tallab. Issa jrodd kollox lura lill-Missier. Huwa jirrakkomandana lilu, bil-biżgħat u t-tamiet tagħna kollha, f’idejn Alla. Dan huwa att ta’ twemmin mill-akbar(ibid. p.73).

U issa Ġesù qal is-Seba’ Kelmiet tiegħu, li kellhom imexxuna lejn ħolqien ġdid f’Ħadd il-Għid. Imbagħad straħ. Alla ħalaqna biex naqsmu l-mistrieħ miegħu u biex Huwa jistrieħ fina. Aħna maħluqin biex nistrieħu f’Alla u biex Alla jistrieħ fina. Is-serħan mhux nuqqas ta’ attività, imma huwa ritorn lejn id-dar.

Jekk xi ħadd iħobbni iħares kelmti, u Missierijħobbu, u aħna niġu ngħammru għandu’(Ġw 14, 23).

Wara tliet sigħat ta’ agunija, Int, maħbub Ġesù, raddejt ruħek biex terġa’ tqum. Int ma tliftx ħajtek kontra r-rieda tiegħek. Aħna wkoll konna rappreżentati fuq is-salib. X’kien hemm fuq is-salib jekk mhux l-umanità li Int ħadt minna? Kif seta’ Alla l-Missier iħallik jew jabbandunak, lilek l-uniku Ibnu meta l-Missier u Int ħaġa waħda? Ġesù, int sammart id-dgħufija tagħna mas-salib. Int ħabbejtni u tajt lilek nnifsek għalija’ (Gal 2, 20).

San Pawl iħeġġiġna biex naħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù:

 “Hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla
 ma qagħadx ifittex tiegħu li hu Alla,
iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir;
sar jixbah lill-bnedmin,
 u deher minn barra bħala bniedem;
 ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt,
anzi sal-mewt tas-salib.

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet
 u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem,
biex fl-isem ta’ Ġesù
fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art
il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkupptejhom,
 u kull ilsien jistqarr:

 “Ġesù Kristu hu l-Mulej,
 għall-glorja ta’ Alla l-Missier” (Fil. 2, 6-11)

 

Għażiż Ġesù, waqt li nħares lejk fuq is-salib, ippruvajt nisma’ l-aħħar kelmiet tiegħek, l-aħħar nifs! Imma matul dawn is-sigħat twal ta’ agunija smajtek titlob, titlob, titlob! Kliemek kien biss kliem ta’ dipendenza fuq il-Missier, kliem ta’ tama fil-ħelsien. Kliemek jistedinni biex nibqa’ nfittex l-imħabba perfetta. Nasal għall-qofol tal-imħabba fl-aħħar, fit-tmiem. Sadattant għandni bżonn nitlob. Għażiż Ġesù, għallimni kif. Għallimni niftaħ qalbi u nħoss il-benna ta’ mħabbtek! Għallimni nitlob b’qalbi u mhux bil-kliem li jfawwar bħal xmara minn xufftejja.

Il-kelmiet tiegħek minn fuq is-salib huma kelmiet ta’ maħfra, ta’ talba lil Missierek, huma kelmiet li bihom ridt tagħtina b’ommna ‘l Ommok l-għażiża stess. Kellek raġun tgħid dak il-ħin li kollox kien mitmum għax inti tajtna kollox u l-missjoni tiegħek ta’ feddej kont qdejtha. Int tlabt u ħfirt, qattajt l-aħħar sigħat ta’ ħajtek titgħawweġ bl-uġigħ. Ma niflaħx niftakar x’kellek tgħaddi minnu għas-salvazzjoni tiegħi! Kif qatt nista’ nifhem x’kienu t-tbatijiet tiegħek, Mulej? Kien hemm bżonn dik it-tbatija kollha? Ma stajtx taħfrilna mingħajr daqshekk tbatija? Qatra demm waħda ma kinitx tkun biżżejjed? Imma b’dinjità kbira int issaportejt din it-tbatija għalija. Tajt ħajtek għalija biex terġa’ tħabbibni ma’ Alla u b’hekk nista’ ntenni “Missierna li inti fis-smewwiet”! Kollox tajtni Mulej sa l-“Imbierka fost in-nisa” offrejthieli bħala ommi. Ħajr Ġesù talli tajtni lil din l-Omm tas-Sema biex tħobbni u twassalni għandek.

Għażiż Ġesù kemm neħtieġ il-fidi sħiħa fik, li nemmen fi kliemek u nimita għemilek! Inkunu kemm inkunu ġenerużi qatt ma nistgħu npattu xi ftit għal dak li għamilt għalina. Għażiż Ġesù għallimni nissaporti kull uġigħ fis-skiet! Għallimni nkun lesta nagħti lili nnifsi għall-oħrajn. Ġesù Int twelidt biex tmut għalija, agħmel li jiena ngħix u mmut għaliK.

Maħbub Ġesú, meta nħares lejK fuq is-salib nara vittma assolutament safja, innoċentissma u ħanina li qed tbati biex tifdi l-umanità kollha. Il-firxa ta’ dirgħajk tgħinni nifhem ‘x’inhu l-wisa’ u t-tul, l-għoli u l-fond tal-imħabbata’ Alla (Efes 3,18).

Is-sofferenza li qed tbati hi assolutament gratis, narak imneżża’ minn kollox, esternament u internament, mgħobbi bil-ħtija tal-umanità kollha.
“….Ġesú deher biex ineħħi d-dnubiet, hu li ma hemm ebda dnub fih” (1Ġw3,5)/

Ġesù int pattejt għad-dnubiet tal-umanità kollha, mill-ewwel dnub li wettqu Adam u Eva, id-dnubiet li qed isiru issa, sal-aħħar dnub li jwettaq l-aħħar bniedem.

San Ġwann fl-ewwel ittra tiegħu jgħidilna “U hu jħallas għal dnubietna, mhux għal tagħna biss, iżda wkoll għal dawk tad-dinja kollha (1Ġw 2,2).

L-offiżi, kbar kemm ikunu kbar, qatt ma jistgħu jattakkaw miegħek bħalma jiġri lil qatra ilma li taqa’ fuq ħadida tikwi. Din il-qatra tinxef u tisparixxi malli tmiss mal-ħadida. L-istess jiġrilu kull dnub. Dan jiġi mxejjen mill-qdusija divina tiegħek, O Ġesù.

Id-demm ta’ Ġesù Kristu Ibnu jnaddafna minn kull dnub” 1Ġw1,7.

Id-dnubiet kollha li jsiru fl-istess hin f’postijiet differenti f’salt kollha jiġu mxejnin malli jmissu mal-umanità tiegħek.

…Ġesù deher biex ineħħi d-dnubiet, hu li ma hemm ebda dnub fih” 1 Ġw 3,5

Int tissupera kollox. It-tbatija tiegħek, minħabba n-natura divina tiegħek hi ta’ valur infinit.

U mbagħad xi ngħidu għall-imħabba u l-ħniena infinita tiegħek?

B’dan dehret l-imħabba ta’ Alla fina, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja biex ngħixu bih. U hawn qiegħda l-imħabba, mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna’ (1Ġw4,9-10).

Alla tiegħi, il-ħniena tiegħek hi infinita. M’hemmx żmien li b’mod jew ieħor din se tispiċċa għax hija infinita.

San Pawl (Kol 2, 14) jgħidilna li Alla

Ħafrilna dnubietna kollha.
Ħassar il-kont tad-dejn li kellna
bl-obbligi li kien hemm kontrina;
 neħħieh min-nofs u sammru mas-salib.

Meta naħseb u nimmedita fuq dan inħoss li għandi ngħidlek u ntennilek:

“Grazzi Sinjur Alla u aħfirli Sinjur Alla.”

 

 

Advertisements