X’ra Ġesù minn fuq is-Salib

cross

Ġesù qed ikompli jgħix il-passjoni tiegħu minħabba d-dnub u l-effetti tiegħu. Kemm għandna bżonn li nersqu lejh u nitolbuh jaħfrilna ħtijietna u jħenn għalina u għad-dinja kollha. It-talb jiftaħna biex nipparteċipaw fil-Passjoni tiegħu u nieħdu sehem fix-xogħol tal-fidwa li wettaq Ġesù.

Minn fuq is-Salib Ġesù ra l-feriti tal-umanità. F’ħafna pajjiżi qegħdin jitneħħew il-Kurċifissi u oġġetti sagri minn postijiet pubbliċi u skejjel għaliex jgħidu li dawn joffendu s-sentimenti tal-ateji u ta’ reliġjonijiet oħra.

Fil-kredu tal-ateji nsibu li “M’hemmx allat, xjaten, anġli, sema jew infern. Ir-reliġjon hi ħrafa, superstizzjoni, li twebbes il-qlub u tjassar l-imħuħ”. Kemm feriti joħorġu minn dan it-twemmin! Il-bniedem sar jagħmel kollox għall-flus. Iżda “xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? ” (Mt 16, 26)

Ġesù ġieb quddiem għajnejh il-feriti li jikkaġunaw is-sess sfrenat, l-impuritàsesswali u l-mard konsegwenza tagħhom; il-feriti mit-teħid tal-pillolital-kontraċezzjoni; ix-xorb bla qies u teħid tad-drogi, kif ukoll il-flaġell tad-delitti, kullvjolenza, inkluża dik domestika u l-massakri.

Kemm weġġgħalu qalbu lil Ġesù l-abbuż fuq it-tfal. “Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25,40). Hawn wisq infedeltà, tradimenti u divorzji;pornografija u skandli anki minn numru żgħir ta’ persuni kkonsagrati. Kemm traffikar ta’ persuni,stupru tal-innoċenti u prostituzzjoni. U dwar l-omosesswalità Isaija (5,20) jgħid: “Gwaj għal dawk li jsejħu tajjeb il-ħażin, u l-ħażin tajjeb; u jibdlu d-dlam mad-dawl, u jibdlu l-morr mal-ħelu, u l-ħelu mal-morr”. Kemm nies jaqgħu vittmi ta’ depressjoni, ewtanasja, suwiċidju speċjalment iż-żgħażagħ. Kemm hawn faqar u mard tal-Aids b’mod speċjali fl-Afrika; it-terroriżmu, gwerer u ġenoċidji bħal dawk ta’ Rwanda – Dafur, Sri Lanka u oħrajn. Ta’ qsim il-qalb l-abort – il-qtil tat-trabi fil-ġuf – u l-indifferenzalejn l-oħrajn. U fuq kollox, kif sejjaħlu tajjeb il-Papa Piju XII, “Id-dnub tas-Seklu”: Telf tas-sens tad-dnub. Kemm hawn indifferenza għat-talb. Il-bniedem modern jitlob biss fl-għaks meta jkollu bżonn xi ħaġa.

Meta nġibu quddiem għajnejna dak li ra Ġesù minn fuq is-salib nifhmu kemm hemm bżonn li nitolbu u npattu b’imħabbitna għall-offiżi li l-maħbub Ġesù kontinwament qed jirċievi mill-umanità midinba. Minħabba fiha l-Verb sar Bniedem bħalna f’kollox minbarra d-dnub biex ikun jista’ jbati l-ħruxija tas-salib għalina u hekk ipatti għall-offiżi li jsiru, jifdina u jerġa’ jħabbibna ma’ Alla (Fil 2, 6-11). Grazzi, Mulej Ġesù !

Advertisements