Ħajja Marjana

Is-sinjal estern tal-għaqda intima mal-Madonna huwa l-Iskapular Imqaddes. Bih il-Madonna taddottana bħala wlied prediletti tagħha. Iżda mhux biżżejjed li nilbsu l-labtu, aħna għandna nimitaw ħajjitha. Il-Papa Piju XII jgħidilna li dawk li jilbsu l-labtu jagħmlu parti mill-familja tal-Madonna u għalhekk b’konsegwenza t’hekk ma’ din il-libsa li nġibu fuqna lejl u nhar għandna nitħarrġu fl-ispirtu ta’ talb, fl-umiltà, fil-karità, fil-modestja u fis-sempliċità. Għalhekk naraw li l-ħajja Marjana hi l-element karatteristiku tal-vokazzjoni tal-Ordni Sekulari Tereżjana.

Il-Karmelu mhux biss għandu devozzjoni lejn il-Madonna iżda jgawdi l-privileġġ li jista’ jitqies storikament bħala l-ewwel li ta qima lill- Gran Verġni Marija. Ħalli nagħtu daqqa ta’ għajn lejn il-Vanġeli biex insibu fejn tissemma Marija.

Ġesù sar mudell tagħna għaliex sar bniedem. Imma dan ma kienx biżżejjed għalih. Hu tana ‘l Ommu bħala ommna biex ikollna mudell fuq min infasslu ħajjitna: kreatura bħalna, bint l-istess umanità, biex inkunu nistgħu nersqu lejha u nimitawha. Hi ħaġa sabiħa li nikkontemplaw il-privileġġi, il-glorja, il-kobor u l-qawwa tagħha iżda proprju l-UMILTÀ kbira tagħha għamlitha denja li ssir Omm Alla u Reġina tas-Sema.

Mill-ħajja esterjuri tal-Madonna naraw xi ħaġa mill-ħajja interjuri ta’ fidi u dulur u turina b’liema sempliċità hi qdiet fuq l-art il-missjoni tagħha. Hi kkoperat b’mod singolari fl-opra redentriċi ta’ Kristu. Il-Madonna turina s-SEMPLIĊITÀ u l-UMILTÀ tagħha fl-Annunzjazzjoni. Meta l-anġlu t’Alla deherilha waqt li kienet titlob fid-dar tagħha, sellmilha u qalilha li kellha ssir Omm Alla hi weġbitu:
“Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, isir minni skont kelmtek”. U Marija kienet taf mill-Iskrittura Mqaddsa u milli illuminaha Alla liema kienet il-missjoni tas-Salvatur u għalhekk liema kellha tkun ix-xorti ta’ ommu. Madanakollu Marija jum b’jum għexet l-iva tagħha.

Naraw li meta l-Madonna semgħet li l-qariba tagħha Eliżabetta kienet ser issir omm fi xjuħitha, hi mxiet triq twila u marret fid-dar tal-qariba tagħha biex tgħinha. Nitgħallmu mela mill-Madonna li għandna dejjem nuru ĦNIENA ma’ għajrna u ngħinuh fil-ħtiġijiet tiegħu u b’hekk ‘l Alla żgur li nsibuH ħanin magħna. Meta daħlet f’dar kuġinitha, Eliżabetta illuminata minn Alla stqarret lil Marija bħala Omm Alla u laqgħitha bil-famużi kliem “Imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek”. Il-Madonna weġbitha billi faħħret ’l Alla għall-opra meraviljuża tiegħu fiha bil-kliem sabiħ – l-itwal diskors li nsibu li qalet il-Verġni – il-famuż Manjifikat, li juri kemm il-Madonna kienet imħarrġa fl-Iskrittura Mqaddsa u kienet ippreparata tajjeb għall-missjoni tagħha ta’ Omm il-Feddej.
Il-Madonna turina l-UMILTÀ, s-SEMPLIĊITÀ u ċ-CAĦDA tagħha nfisha. Hi tat is-servizzi tagħha lil kuġinitha mingħajr riserva sakemm kienet bżonjuża u xejn ma fittxet il-vantaġġi tagħha jew li tidher bħalma nagħmlu aħna mimlijin kif aħna bil-vanità.

Kif insibuha l-Madonna fi żmien iċ-ċensiment ta’ Ċesari Awgustu? Il-Madonna u San Ġużepp ħallew id-dar tagħhom f’Nazaret u marru f’Betlem, il-belt ta’ David sabiex jinkitbu bħas-sudditi l-oħra tal-Imperatur Ruman. Billi ma sabux fejn joqgħodu, stkennew f’għar tal-annimali u hemm f’nofs il-lejl twieled Ġesù Bambin. Ħawn tant inġustizzji soċjali iżda xejn ma jgħaddi l-FAQAR tal-istalla ta’ Betlehem. Il-ħabi u d-dlam li fih ġrat l-aktar ħaġa mistennija sa minn sekli qabel tgħallimna tant xorti. L-Anġli ħabbru t-twelid tal-Bambin lir-ragħajja, li laqgħu l-istedina u marru jqimu lit-Tarbija Divina. Meta xi żmien wara s-Slaten Maġi marru jaduraw lil Ġesù u taw ir-rigali lill- Familja Mqaddsa ma serrħuhomx wisq mill-faqar għaliex naraw li l-Madonna u San Ġużepp kellhom jaħarbu b’Ġesù lejn l-Eġittu biex isalvaw lill-Bambin mill-qerda tal-innoċenti.

L-Iben t’Alla twieled u għex bħat-tfal ta’ familji fqar. Il-Madonna kienet timmedita f’qalbha fuq dan u fehmet li l-volontà t’Alla kellha titwettaq fl-umiltà u f’ħabi dejjem akbar. Hi għalhekk dejjem dehret mara bħall-oħrajn. Dan il-ħabi tal-privileġġi singulari tagħha sar erojku meta ppreżentat lil Ġesù fit-Tempju. Marija u Ġużeppi ħadu lil Ġesu’ tarbija fit-tempju biex jiġi offert lil Alla, kif kienet tordna l-Liġi tal-Lhud. Il-qassis xwejjaħ Xmuni refa’ lil Ġesù fuq dirgħajh, iżża ħajr lil Alla għal din ix-xorti hekk kbira u ħabbar lil Marija l-hemm li kellhom iġarrbu Hi u Binha għall-fidwa tal-bnedmin. Dan l-episodju hu difatti l-ewwel misteru doloruż ta’ Marija kif ukoll MISTERU TA’ UMILTÀ. Il-Madonna ma kenitx soġġetta għal-liġi għaliex hi kienet mingħajr ħtija u dak li sar fiha kien bl-opra tal-Ispirtu s-Santu. Kemm naġixxu kuntrarju aħna l-bnedmin mimlijin kif aħna bil-vanità, bis-suppervja u dejjem infittxu l-ġid tagħna personali! L-għatx li nidhru bħall-oħrajn anki jekk inkunu aħjar ma ssibux ħlief fi ftit erwieħ – dawk li forsi huma aktar magħqudin mal-volonta’ t’Alla. Mill-bqija kemm hi kbira x-xewqa fina li nidhru aħjar mill-oħrajn u kemm infittxu li ngħolew! Hi hekk faċli, jekk ma noqogħdux attenti, li ma nkunux sinċieri magħna nfusna, li nfittxu l-avvanz tagħna u li ngħawġu r-raġuni kif jaqbel lilna. Mhux hekk il-Madonna. Kontra l-perikli tal-eġoiżmu hi tagħtina eżempju fis-sinċerità tas-servizz tagħha ’l Alla għaliex hi ma waqfitx l-anqas quddiem sitwazzjonijiet l-aktar dolorużi.

X’ma SOFRIETx il-Madonna? Id-duluri, id-dmugħ u l-inkwiet tal-gwerer ta’ żminijietna dehru wkoll fil-Familja Mqaddsa. Biex Ġesù ma jaqax vittma taħt ix-xwabel tas-suldati ta’ Erodi l-Familja Mqaddsa kellha teżilja ruħha f’art barranija fejn għal bżonn ma kinux jafu jitkellmu l-lingwa eġizzjana, b’danakollu huma kellhom jidraw. Min jaf liema tbatija sofrew qabel ma San Ġużepp sab jaħdem ta’ mastrudaxxa.

Ma niqfux biss fuq it-tbatija li l-eżilju kellu għall-Madonna, iżda nħarsu lejn ħajjitha esterjuri – lejn IL-ĦLEWWA, IR-RASSENJAZZJONI u L-IMĦABBA li biha kienet dawwret l-għeżież tagħha.

Wara r-ritorn lejn Nazaret il-ħajja għall-Madonna kienet l-istess bħal dik fl-Eġittu – TNADDAF u titħabat bħal kull mara oħra tad-dar – iżżomm id-dar nadifa, ISSAJJAR, TAĦSEL, ISSEWWI… Xejn ma nsibu ħlief dan fil-ħajja tar-Reġina tal-Anġli. Hekk għal tletin sena sħaħ l-Iben t’Alla – li niżel fid-dinja biex jgħallem – għex ħajja moħbija. Il-Madonna għexet miegħu ħajja tant siekta li l-isem ta’ Nazaret sar jindika ħajja moħbija. Għal tletin sena ħadmet u qdiet ’l Alla bl-akbar imħabba. Kemm tgħallimna l-Madonna li ma għandniex ingergru jekk ħajjitna ġurnata wara l-oħra tkun monotona! U għalhekk ma għandniex infittxu li nagħmlu affarijiet aktar importanti u naħsbu biex inwettqu d-doveri tagħna bl-imħabba.

Il-Madonna b’ħajjitha MOĦBIJA, MODESTA u UMLI turina l-ġmiel tal-ħajja komuni (li tgħix il-biċċa l-kbira tal-bnedmin) jekk ngħixuha skont il-volontà ta’ Alla.

Il-Madonna hi MUDELL anki TAL-APPOSTOLAT. Hi għexet apparentement bħan-nisa l-oħra kollha – ħajja umli u hienja fi ħbiberija mal-ġirien. Tant kienet kbira s-serenità tagħha li (skont il-kotba apokrafi) mad-dehra tagħha kienet tnissel il-paċi anki fejn ma kienx ikun hemm. Kulħadd kien jinġibed lejha u hi kienet tnissel fiduċja mingħajr ħadd ma kien jaf għaliex. It-tfal fuq kollox kienu jħossuhom miġbudin lejha. Tant kellha paċenzja magħhom. Kienet tgħidilhom stejjer, tkellimhom fuq Alla u spiss kienet toħodhom f’ħoġorha flimkien ma’ Ġesù. Għalhekk għandna aħna wkoll nimitaw lill-Madonna billi noqogħdu attenti biex kemm jista’ jkun inbegħdu mit-tfal kull ħażen li jista’ jtelfilhom l-innoċenza tagħhom u niġbduhom aktar lejn it-tajjeb.

Il-Madonna hi EŻEMPJU TA’ TJUBIJA U TA’ KARITÀ. Hi kienet tfittex li tgħin lil kulmin setgħet mingħajr ma kienet tqis jekk kienx se jkun ta’ tbatija għaliha u mingħajr ma tfittex li jpattulha. Dan aktar tard Sidna Ġesù Kristu għallmu lid-dinja. Fil-Vanġelu skont San Mark (10,45) insibu: “Għax ukoll Bin il-Bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi, u jagħti ħajtu bħala fidwa ta’ ħafna” u fil-Vanġelu skond San Mattew (5,42) insibu: “Lil min jitolbok tih; u lil min ikun irid jissellef min għandek la ddawwarlux wiċċek”. Il-Madonna kienet ġa pprattikat dan qabel ma Ġesù beda jippriedkah.

Hekk għandu jkun l-appostolat tagħna. Kemm ġid nistgħu nagħmlu bl-eżempju tagħna ta’ ħajja verament kattolika, ta’ karità ma għajrna u ta’ qadi perfett ta’ dmirijietna. Lill-Madonna għalhekk nitolbuha biex ittina l-purità, il-ġabra, l-umiltà u l-ħlewwa biex bl-eżempju tagħna nressqu l-erwieħ lejn Ġesù.

Tant setgħet tgħallimna xorti l-Madonna bil-kliem iżda lilha nsibuha dejjem SIEKTA. Fil-Vanġeli ftit li xejn insibu fuqha. La waqt il-passjoni u lanqas fil-ferħ tal-axxensjoni ma semmgħet leħinha. Is-sikta tagħha hi kbira għalhekk kliemha hu prezzjuż. Insibu li kien hemm tieġ f’Kana u omm Ġesù kienet mistiedna kif ukoll Ġesù u d-dixxipli tiegħu. Il-Madonna waqt il-festa ntebħet li naqashom l-inbid u ta’ omm li kienet ħasset għalihom u qalet b’dan lil Ġesù. L-uniċi ħames kelmiet li indirizzat lill-barranin kienu: “Agħmlu dak kollu li jgħidilkom” u, għalkemm Ġesu’ stess stqarr li ma kinitx għada waslet is-siegħa, hu għamel il-miraklu tal-bdil tal-ġarar bl-ilma f’inbid. Nifhmu sewwa l-uniku parir li tatna lilna bnedmin. Dan hu l-preċett tagħha u ta’ dan hi tatna eżempju b’ħajjitha għaliex sa mill-bidu nett hi dejjem għexet f’għaqda l-aktar intima ma’ Alla.

“Agħmlu dak kollu li jgħidilkom”. Din hi sejħa għall-erwieħ speċjalment għalina l-membri tal-O.S.K.T. biex ninġabru fina nfusna u nisimgħu u nwettqu l-volontà ta’ Alla għall-glorja t’Alla. Dan il-kliem jibqa’ dejjem żagħżugħ u japplika għal kulħadd iżda speċjalment għal dawk li huma fid-dmir li jgħallmu. Għandna dejjem inkunu lesti għall-ġenerożità totali għaliex bħala wlied il-Madonna għandna nobdu dan il-preċett tagħha li mhux ħlief il-qofol tal-perfezzjoni Nisranija. Marija hi dik li semgħet ’l Alla u qalet dejjem iva għar-rieda tiegħu.

L-Iben ta’ Alla ried jitwieled u jgħix bħat-tfal tal-aktar nies fqar. San Ġużepp u l-Madonna kellhom jiddefenduh mill-qilla ta’ Erodi u jħarbuh. Aħna tant nistaqsu għala meta jiġi fuqna xi għawġ iżda l-Madonna u San Ġużepp aċċettaw fis-skiet dak kollu li Alla kien jibgħat. Ġesù ried li d-divinità tiegħu tibqa’ mistura u l-Madonna għexet dejjem bil-fidi sa minn meta ħabbrilha li kellha ssir Omm Alla l-Arkanġlu Gabrijel. Hi ħabbet lil binha u ngħatat kollha lilu mhux biss bl-imħabba ta’ omm lejn binha iżda bħala kreatura lejn Alla tagħha u dejjem baqgħet tadura ’l Alla bħala bint u qaddejja tal-Mulej. Din it-tip ta’ ĦAJJA kienet TA’ ĊAĦDA KONTINWA tad-drittijiet tagħha fuq binha u hi wettqet b’fedeltà l-aktar perfetta l-missjoni tagħha u dan hu frott tal-fidi tagħha. Il-Madonna hi għalhekk verament il-“Virgo fidelis” u kienet beata minħabba l-fidi.

Fl-ebda perijodu tal-ħajja tal-Madonna ma nsibu li hi kienet eżenti mit-TBATIJA. L-inċertezza ta’ dak li kellu jiġri mill-għażiż binha kienet kiefra aktar mill-istess mewt. Mill-Vanġelu skont San Luqa nafu li għalkemm il-Madonna ma kinitx obbligata tmur kull sena fit-Tempju ta’ Ġerusalemm għall-festa tal-Lhud madanakollu hi b’fedeltà l-aktar kbira u bi spirtu ta’ sagrifiċċju kienet tagħmel dan il-vjaġġ. Meta Ġesù kellu tnax-il sena, x’ħin kienu sejrin lura lejn darhom, Marija u Ġużeppi ntebħu li Ġesù ma kienx magħhom, għalhekk mill-ġdid reġgħu lura lejn il-belt u b’niket kbir għat-telfa tiegħu fittxewh fost qrabathom.Wara tlett ijiem sabuh fit-tempju jitkellem b’dehen tal-għaġeb mal-għorrief tal-liġi. Min jaf x’ħasset il-Madonna f’dawk it-tlett ijiem? Meta Ġesù nstab, insibu l-Madonna tistaqsih: “Għala għamiltilna dan?…” (5,48) Minn dan naraw li d-dulur tal-Madonna għat-telfa ta’ Ġesù kien immens u li hi sofriet aktar milli waqt il-passjoni. San Bernard jgħid li dan kien l-akbar dulur ta’ Marija għax waqt li drabi oħra dejjem sofriet ma’ Ġesù, din id-darba kellha ssofri weħidha. Il-Madonna hawn tgħallimna d-dispożizzjonijiet li għandna jkollna. Minn barra hi dehret kollha ħerqana biex terġa’ ssib lil Ġesù iżda ruħha kienet dejjem marbuta mal-volontà ta’ Alla u lesta għas-sagrifiċċju suprem. Hi aċċettat il-kalċi u din id-darba Alla rtirah kuntent bl-iva tagħha.

Meta Ġesù kellu tletin sena, qabel ma beda l-ħajja pubblika, il-Madonna kellha ġġarrab separazzjoni l-aktar doloruża bil-mewt ta’ San Ġużepp. Din is-separazzjoni ġrat meta l-Madonna kellha bżonnu l-aktar biex ma tibqax weħidha. Hi saret armla iżda għaliha Alla biss kien indispensabbli u r-rabta tagħha mal-volontà t’Alla u t-tama fil-ħajja eterna għenuha ġġarrab dan id-dulur. Sidna Ġesù Kristu jgħallimna li dawk li jibku huma mberkin għaliex jiġu kkunslati u nsibu anki li Ġesù stess beka darbtejn (Lq 19,41 u Ġw 11,33,35) (waħda fuq Ġerusalemm u l-oħra mal-mewt ta’ Lażżru).

Mal-bidu tal-ħajja pubblika ta’ Ġesù l-Madonna sabet ruħha weħidha. Għal darba oħra hi kienet lesta biex tissagrifika ruħha u tiċċaħħad minn binha biex tkun magħmula l-volontà ta’ Alla. Kemm għandhom x’jitgħallmu l-ġenituri minn din l-Omm ċelesti li l-ulied li jagħtihom Alla mhumiex għal kollox tagħhom u li għandhom ikunu dejjem lesti biex jinfirdu minnhom jekk Alla jtihom ix-xorti li jsejjaħ lil xi wieħed minnhom għall-ħajja reliġjuża.

Il-Madonna hi r-REĠINA TAL-MARTRI għaliex qalbha aktar minn ġisimha kienet is-sit tal-martirji kollha tagħha. Sofriet swied ta’ qalb, ċaħdiet u tbatijiet l-aktar profondi speċjalment waqt il-passjoni. Fil-Vanġelu ma nsibuhiex waqt id-daħla ta’ Ġesù f’Ġerusalemm f’Ħadd il-Palm iżda waqt il-passjoni u fuq l-Għolja tal-Kalvarju. Ma setgħetx tħallas prezz akbar għall-privileġġ tal-Maternità Divina.

Imma fuq kollox il-Madonna hi verament OMM tagħna kif tgħidilna Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Hemm wieqfa taħt is-salib hi aċċettatna bħala wliedha meta S.Ġ.K. taha lil Ġwanni bħala binha bil-kliem: “Mara, hekku ibnek”. X’bidla enormi kienet din minn binha veru Bin Alla għalina midinbin, imma hi aċċettatna għall-imħabba ta’ Ġesù u verament ħabbitna. U aħna għandna nkunu wisq aktar grati lejha għax lilna tatna l-istess libsa tagħha bħala simbolu tal-atmosfera spiritwali li fiha għandna dmir li ngħixu bħala wlied prediletti tagħha. Il-labtu li tatna hu mezz qawwi li jfakkarna li nistgħu naslu sal-quċċata tal-qdusija. Il-Madonna tridna nsiru qaddisin u għalhekk l-Iskapular Imqaddes għandu jfakkarna dak li hi u dak li hu Alla. Aħna l-insara li nilbsu l-labtu għandna dejjem inħarsu lejn Marija, naħsbu fuqha, nimitawha u nkunu żguri mill-protezzjoni tagħha.

KIF NISTGĦU NIMITAW L-EŻEMPJI TAR-REĠINA TAS-SEMA?

Fil-Madonna naraw il-privileġġi singulari li Alla żejjinha bihom kif ukoll il-ħajja tagħha ta’ kuljum. Il-privileġġi – bħalma huma l-Immakulat Konċepiment, il-Maternità Divina, it-Tlugħ fis-Sema – huma doni personali li nistgħu biss nammirawhom. Il-ħajja tagħha ta’ kuljum hi aktar viċina lejna. Hija l-ħajja ta’ mara ibrajka f’familja modesta. Madanakollu l-oġġett tal-imitazzjoni tagħha ma hux l-azzjoni materjali iżda d-dispożizzjonijiet ta’ ruħha.

Illuminata mill-fidi, il-Madonna kienet tagħmel kollox bl-akbar perfezzjoni u toffri kollox ’l Alla. Nagħmlu mela kollox mill-aħjar li nistgħu u kollox għal Alla u b’hekk niksbu l-għan tagħna ta’ membri tal-Ordni Sekulari. Kull azzjoni tkun xi tkun takkwista mertu, jekk tkun magħmula bl-imħabba u bil-qalb.

Biex ninżlu aktar fis-sod naraw tliet dispożizzjonijiet tal-Madonna li għandhom ikunu imitati minna l-membri. L-ewwel nett:

1. IS-SOTTOMISSJONI LEJN ALLA Għat-tħabbira tal-Anġlu l-Madonna rrispondiet b’ġenerożità: “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ikun minni skont kelmtek”. B’din ir-risposta poġġiet ruħha għal kollox f’idejn Alla, offriet ruħha biex tagħmel il-volonta’ ta’ Alla. Hi żammet kelmitha meta kellha tmur Betlehem għaċ-ċensiment, meta ma sabitx fejn tistkenn, meta welldet lil Ġesù fi grotta, meta kellha taħrab lejn l-Eġittu, meta Ġesù baqa’ fit-Tempju, meta f’Nazaret għexet ħajja ta’ faqar, meta f’riġlejn is-salib ħasset f’ruħha t-tbatijiet kollha ta’ binha Divin.
Li tgħid iva dejjem ‘l Alla hu s-sigriet anki tal-qdusija tagħna. Dak li għallimna Sidna Ġesù Kristu fil-Pater Noster għandna ngħixuh bħalma għamlet il-Madonna. Ngħidu iva ‘l Alla meta nkunu fil-bnazzi kif ukoll fil-maltemp, fis-saħħa u fil-mard, meta fil-familja jkollna l-ferħ kif ukoll meta nitilfu xi ħadd għażiż, fil-ferħ u fil-kuntrarju. Ngħidu dejjem iva ‘l Alla għaliex Alla hu twajjeb u tal-ħniena u jfittex dejjem il-ġid spiritwali tagħna.

2. L-GĦAQDA MA’ ALLA Ħadd ma kien magħqud ma’ Ġesù daqs Marija. Sa mit-tħabbira tal-Anġlu, il-Madonna għexet fl-akbar intimità possibbli ma’ Ġesù u għal tletin sena għexet f’dar waħda taqsam miegħu l-għejxien tagħha. Imbagħad waqt il-ħajja pubblika tiegħu hi dejjem baqgħet magħquda miegħu bil-ħsieb u bl-imħabba.
L-għaqda m’Alla hija r-ruħ tal-ħajja Karmelitana Tereżjana. Alla jinsab dejjem fina permezz tal-grazzja. Għalhekk għandna ngħixuha din il-ħajja f’adorazzjoni kontinwa. Fid-dar, fit-triq, fuq ix-xogħol, fil-waqt li nkunu qed naħdmu aħna qatt ma nkunu weħidna. Alla hu l-mistieden tagħna f’kull waqt u kull ħin. L-għarfien ta’ din ir-realtà meraviljuża timlielna qalbna bil-ferħ u l-kuraġġ u tibdlilna x-xogħol tagħna f’att ta’ mħabba għaliex kull ma nagħmlu nagħmluh ma’ Alla u għal Alla u għalhekk isir talba u għajn ta’ mertu. It-talb vokali u mentali li aħna ngħidu huwa mezz li jressaqna għall-għaqda m’Alla mhux għal mument jew għal ġurnata imma l-ħin kollu.

3. IR-RIFLESSJONI T’ALLA Il-missjoni tal-Madonna kienet li tagħti ’l Ġesù lill-bnedmin. Wara l-Annunzjazzjoni malajr ħadet lil Ġesu’ għand Eliżabetta u din kienet l-ewwel azzjoni appostolika tagħha. Kienet il-Madonna li ppreżentat lil Ġesu’ lir-ragħajja u lis-Slaten Maġi u wriet id-divinità ta’ binha meta ġegħelitu jagħmel l-ewwel miraklu tiegħu f’Kana. Kienet preżenti fiċ-ċenaklu meta niżel l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli li ta l-qawwa lil Knisja biex tippriedka l-Vanġelu lid-dinja kollha.

Kull waħda minna għandha tkun ostensorju ta’ Ġesù. F’kull post, f’kull ħin għandna nġibu lil Ġesù. Bil-kondotta eżemplari u virtuża, bil-kelma, bil-parir, bl-istqarrija aperta tal-fidi tagħna u fuq kollox bis-sagrifiċċji, aħna għandna naħdmu biex inxerrdu s-saltna ta’ Kristu fid-dinja, għat-tiġdid tal-ħajja spiritwali fiċ-ċiviltà moderna. M’hemmx vera qdusija fejn m’hemmx sens ta’ appostolat li tgħin skont il-kapaċita’ li Alla tak biex ixxerred is-saltna t’Alla fil-familja u fuq ix-xogħol.

L-imitazzjoni ta’ Marija b’dan il-mod hi possibbli għalina lkoll u mhux biss hi neċessarja imma għandha tkun l-għan ta’ ħajjitna. Hi neċessarja għaliex il-Madonna għandha tokkupa l-ewwel post wara Alla fil-moħħ u l-qalb tagħna wliedha u ma tkun minsija qatt la binhar u lanqas billejl, la waqt ix-xogħol u lanqas fil-ħin tal-mistrieħ. L-imitazzjoni spiritwali u l-għaqda fil-ħsieb u f’ħajjitna mal-Madonna tagħmilna dejjem aktar puri, aktar qawwija, aktar sereni, aktar żguri fil-mixja tagħna lejn Alla.

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s