MARIJA EMIGRANTA, PELLEGRINA U REFUĠJATA

visitation.jpg

MARIJA   
Emigranta, Pellegrina u  Refuġjata

Meta jimmeditaw fuq il-ħajja tal-Madonna, l-emigranti u vjaġġaturi ta’ esperjenza lkoll spiss jinsew it-taħbit u l-vjaġġi li kellha tagħmel Hi. Il-Madonna għaddiet minn ħafna mill-esperjenzi tagħna.

Fir-riflessjoni fuqha, wieħed iħoss sens ta’ rispett u jintebaħ bl-istorja ta’ interess tal-vjaġġi tagħha. Wieħed jibqa’ bla kliem. Ejjew naqsmu xi ftit l-esperjenzi tagħha, il-ġiri tagħha, u niġbdu ħsibijiet u lezzjonijiet għall-vjaġġ ta’ ħajjitna. San Luqa, li seta’ sema’ l-istorja minn Marija stess, jintroduċiha b’dawn il-kliem:

L-anġlu Ġabriel qal lil Marija: “Ara, Eliżabetta, qaribtek, hi wkoll tqila b’iben fi xjuħitha, u dan hu s-sitt xahar lil dik li kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal…”

U Marija qamet f’dawk il-jiem u telqet bl-għaġla lejn l-għolja, lejn belt ta’ Ġuda, u daħlet f’dar Żakkarija, iltaqgħet ma’ Eliżabetta u ġiet milqugħa minnha u minn binha li kien għadu fil-ġuf. Marija rrispondiet bil-“Magnificat” u baqgħet hemm xi tliet xhur qabel ma rritornat f’darha f’Nazaret.

Din l-istorja sempliċi imma profonda tintroduċina ma’ Marija l-vjaġġatura. Kienet għadha biss “teenager”, kienet qed iġġorr lil Ġesù, u daħlet għal vjaġġ f’reġjun inospitabbli, u mhux abitabbli, biex tgħin lilkuġinitha.

F’dak iż-żmien, tant kien perikoluż il-vjaġġ li kienu jmorru bil-karavani għas-sigurtà. Il-postijiet tat-tluq tal-karavani kienu Damasku u ‘Jaffa Gates’ għaldawk iż-żewġt ibliet.

Hi baqgħet tliet xhur ma’ Eliżabetta, imbagħad irritornat Nazaret. Imma reġgħet ivvjaġġat ftit xhur wara biex tobdi d-digriet ta’ Ċesri Awgustu li bih ordna li jsir ċensiment. Kienet disa’ xhur tqila. Hi u Ġużeppi armaw il-ħmar u marru sa Betlehem xi 150 kilometru ‘l bogħod, fejn twieled Ġesù.

Baqgħet hemm għal ftit żmien. Ġew il-Maġi biex jaraw u jaduraw it-Tarbija f’Betlehem. Imma malajr wasal il-ġenoċidju tat-tfal minn rodi.

Ġużeppi ġie mwissi f’ħolma biex jitlaq lejn l-Eġittu. L-anġlu qallu: “Qum, ħu t-tarbija u ‘l ommha, u aħarbu lejn l-Eġittu…għax Erodi qed ifittex it-tarbija biex joqtolha”.

Fl-għabex ta’ filgħaxija, meta d-djar ta’ Betlehem kienu mgeżwra fid-dlam u l-ewwel imsiebaħ kienu bdew jidhru, l-omm ħarġet inkiss inkiss bħal maħruba, bħal ħalliel, bħal wieħed li qed jiġru warajh. Hi kienet verament qed tisraq lil Erodi li kien ried il-ħajja tat-tarbija innoċenti, għax kien ried jeqridha. Magħfus ma’ sidirha, hi ġarret it-Teżor tagħha, id-Dulur tagħha.

Iggwidata minn Ġużeppi, ħarbet lejn il-Punent, qasmet l-art antika ta’ Kangħan, b’waqfiet ebsin għal ġranet wara ġranet, forsi għal għaxar jew tnax-il jum biex waslu fejn jaraw ix-xmara Nil fl-art tal-Eġittu li minnu niesha kienu ġew illiberati, fl-Għid tal-Lhud erbatax-il seklu qabel.

Il-vjaġġ kien mimli b’tant perikli, sogru u nuqqas serju tal-bżonnijiet tal-ħajja.

Kif insibu deskritt fil-folklor Malti, ġurnata waħda l-Familja Mqaddsa kienu bil-ġuħ, eżawriti u debboli. Strieħu taħt siġra tal-palm fid-deżert. Is-siġra kienet xiħa ħafna ta’ oriġini bibliku. Kienet għolja ħafna. Tant kienet għolja li sena wara l-oħra ħadd ma kien jista’ jilħaq il-frott tagħha. Għaliex baqgħet ħajja daż-żmien kollu jekk ħadd ma kien jista’ jilħaq il-frott tagħha?

Ġrat xi ħaġa! Ir-ras tal-palma mielet ‘lisfel sa ma Ġużeppi seta’ jilħaq il-frott biex jitma’ lit-tifel u jaqta’ l-ġuħ ta’ Marija u tiegħu,u biex il-ħmar ikollu saħħa biżżejjed biex ikompli jġorr it-tagħbija speċjali tiegħu!

Komplew fi triqthom, u kif telqu, is-siġra wara li tathom nutriment, tathom il-ħajja, bdiet tmut.

Leġġenda sabiħa tal-folklor Malti tagħna!

Ħafna emigranti li jħallu djarhom minħabba wliedhom jistgħu jidentifikaw ruħhom ma’ Marija u Ġużeppi. Tant nies, anki llum, filfatt aktar illum, għandhom il-ħajja ta’ wiedhom mhedda u jkollhom iħallu djarhom bil-biża’, kważi f’disperazzjoni, bħala refuġjati.

Iż-żmien tal-eżilju tal-Familja Mqaddsa fl-Eġittu ntemm bil-mewt ta’ Erodi.

B’Binha f’dirgħajha matul il-vjaġġ lura lejn Nazaret, imbennen mill-passi tal-ħmar paċenzjuż, kif deskritt tant sabiħ, Marija rritornat fid-dar umli u l-ħanut tax-xogħol li kellhom, fejn il-ħoss tal-martell u l-lima jieqfu biss ma’ nżul ix-xemx.

Kull sena San Luqa jgħidilna li l-ġenituri ta’ Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa tal-ħobż bla ħmira, għall-‘Passover’, li tikkommemora l-ħelsien ta’ Iżrael mill-jasar tal-Eġittu. Ivvjaġġaw madwar 140 kilometru ma’ numru ta’ ġirien, ħbieb u qraba għas-sigurtà, u biex itaffu l-istrapazz sever u jagħmlu d-distanza tidher iqsar.

Marru bil-ferħ biex jikkommemoraw iż-żmien ta’ tbatija severa tal-poplu tagħhom u l-ħelsien tagħhom.

U meta, sena waħda, Ġesù ntilef waqt li kienu fi triqthom lura lejn Nazaret, Marija u Ġużeppi marru lura, distanza ta’ ġurnata, weħidhom Ġerusalemm biex ifittxuH. U meta sabuH, ivvjaġġaw lura mingħajr il-faraġ u s-sigurtà tal-oħrajn, lura lejn Nazaret tul medda ta’ art ħarxa u diffiċli.

L-aħħar vjaġġ ta’ Marija minn Nazaret għal Ġerusalemm kien ukoll fi żmien il-‘Passover’ biex tkun preżenti waqt il-mewt ta’ Binha.

Minn hemm Marija marret Efesu, fit-Turkija biex tgħaddi l-aħħar snin tagħha fuq l-art fid-dar ta’ Ġwanni l-Evanġelista li lilu Ġesù minn fuq is-salib kien qal: “Din hi Ommok”.

Din id-deskrizzjoni qasira tal-vjaġġi ta’ Marija mhix storja sħiħa. Wara li telgħet is-sema hi kompliet il-vjaġġi tagħha b’mod spiritwali biex tkun ma’ wliedha. Hemm ħafna siti awtentiċi fejn dehret – f’Guadalupe fil-Messiku, Lourdes fi Franza, Fatima fil-Portugal u f’postijiet oħra wkoll.

Partikolarment affaxxinanti hi Fatima (Belt tal-Paċi), fejn Hi (r-Reġina tal-Paċi) dehret lit-tlett itfal rgħajja Portugiżi, fejn wissiethom dwar il-qawmiet tal-Komuniżmu, u fejn talbitna biex nitolbu bir-Rużarju.

Il-belt jisimha Fatima wara l-Prinċipessa Mora li kienet inqabdet minn kavallier Kristjan u kkonvertiet għall-Kristjaniżmu. Il-Prinċipessa Mora kienet issemmiet wara Fatima, it-tifla favorita ta’ Moħammed. Imbagħad, hi tat l-isem lill-post fejn Marija għażlet li tidher fl-1917.

Tgħid iż-żjara tal-Madonna f’dan il-post għandha messaġġ moħbi għalina lkoll fid-dinja moderna?

Marija tkompli tidher f’ħafna postijiet. Saret emigranta, mistiedna tgħix magħhom u taqsam mal-emigranti l-pajjiż ġdid tagħhom.

Aħna l-Maltin sirna nafu dwar Marija permezz ta’ San Luqa li ġarr ix-xbieha tagħha f’qalbu, u meta kien nawfragat fuq xtutna flimkien ma’ San Pawl, ħallielna x-xbieha tagħha fuq blata fl-għar fil-Mellieħa.

Sekli wara nġiebet Malta biċċa miksura ta’ vapur li ġie nawfragat u mkisser fil-baħar Adrijatiku. Il-Pulena tiegħu nġiebet l-Isla u issa hi l-Bambina glorjuża li hi ta’ impatt reliġjuż massiv nazzjonali.

Hawn fi Greystanes (l-Awstralja) ġibna ix-xbieha tagħha biex niċċelebraw il-festa tal-Madonna tal-Vitorja. Ahna ngħixu qalb nies multi-kulturali u multi-etniċi.

Bħal Marija, aħna esperjenzjajna t-tbatija tal-eżilju u l-ebbusija li nkunu emigranti, bogħod minn pajjiżna u niesna. Nitfarrġu ħafna bl-għarfien li fit-taħbit tagħna qegħdin fil-kumpanija ta’ Mara li sofriet bl-istess mod.

Hi tkompli tivvjaġġa…biex tiġi għandna bil-ħeffa meta jkollna bżonn bħalma għamlet ma’ kuġinitha Eliżabetta, bħala eżempju tad-doveri ta’ kuljum bħala ċittadini, biex issalva lil Ġesù għad-dinja; fiċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi tagħna kif għamlet kull sena għall-‘Passover’.

U waqt li naħsbu dwar il-Festa tagħna, niftakru li fejn ma mxietx Hi, fejn il-ħmar ma ħadhiex, Hi strieħet fuq l-emigranti mill-Gżejjer ta’ Malta. Huma ġibuha f’qalbhom. Imbagħad ġiebu l-Festa u l-statwa sabiħa tagħha fi Greystanes. Il-wasla tagħha kienet ta’ konfort kbir u ferħ li jkompli sena wara l-oħra, u jwassal għal żieda fid-devozzjoni.

Il-festa dejjem terġa’ ġġibilna l-memorji tal-konflitti li l-poplu tagħna kellu mal-Imperu Ottoman fl-1565, u konflitti oħra wkoll. Imma, fuqkollox, l-għatx għall-paċi li missirijietna kellhom. Dik il-paċi li għandna nixxenqu għaliha llum, ilkoll kemm aħna Nsara, Lhud, Musulmani u dawk li ma jemmnux.

Din is-sena,2017, hi ċ-Ċentinarju tad-Dehriet tal-Madonna f’Fatima. L-aħħar dehra taħbat fit-13 ta’ Ottubru, tant viċin tal-festa tallum fi Greystanes!

Bla dubju, hija, l-Omm Lhudija ta’ Betlehem, tal-Lvant Nofsani ta’ 2000 sena ilu, għandha messaġġ speċjali għalina biex aħna Nsara, Lhud, Musulmani, verament id-dinja kollha, għandna nitħabtu biex insibu armonija fina nfusna u ma’ xulxin.

Kulma għandna nagħmlu hu li nisimgħu l-ħoss tan-nagħal tal-ħmar tagħha u ndaħħluha ġo darna u f’qalbna.

Ilkoll nisimgħu l-MAGNIFICAT! kif Eliżabetta għamlet għoxrin seklu ilu. U nsibu l-paċi.

Artiklu miktub mill-Chev. Dr. George Boffa
Maqlub għall-Malti minn Mary Rose Said

Advertisements